Il-Knisja f’medjazzjoni biex jinħelsu ġurnalisti

Il-Knisja Kattolika fil-Columbia u rappreżentant tal-Gvern tal-pajjiż qed jagħmlu medjazzjoni ma’ grupp ta’ ribelli għall-ħelsien ta’ żewġ ġurnalisti li nħatfu fid-19 ta’ Ġunju li għadda.
Iż-żewġ ġurnalisti Olandiżi,  Derk Johannes Bolt ta’ 62 sena u Eugenio Ernest Marie Follender ta’ 58 sena inħatfu meta kienu fir-raħal ta’ El Tarra, f’Santander. Ir-ribelli qalu li dawn jinsabu f’kundizzjoni ta’ saħħa tajba u aktar jinħelsu fi żmien qasir.
Mons. Luis Auguso Castro Quiroga, Arċisqof ta’ Tunja u President tal-Konferenza Episkopali qal fi stqarrija li l-Knisja qed tmexxi medjazzjoni għall-ħelsien taż-żewġ ġurnalisti kif ukoll biex ikun hemm waqfien mill-ġlied fil-pajjiż u jibdew taħditiet għall-paċi.
Fil-fatt il-Gvern tal-pajjiż informa delegazzjoni tal-Armata għal-Liberazzjoni Nazzjonali li kien lest li immedjatament jibda jistudja il-kundizzjonijiet għall-ftehim ta’ waqfien mill-ġlied proposti mill-Knisja.
F’dawn l-aħħar jiem diversi Isqfijiet ħeġġew lill-Gvern u lill-ALN biex jieqfu mill-ġlied ta’ bejniethom u jibdew ifittxu ftehim, fid-dawl taż-żjara li l-Papa Franġisku mistenni jagħmel fil-Colombia f’Settembru li ġej.
L-Isqfijiet t  jsostnu li l-waqfien mill-ġlied għandu jkun l-ewwel pass biex jibdew taħditiet għall-paċi. Hija x-xewqa tal-poplu kollu tal-Colombia biex fil-pajjiż jinfetaħ il-bieb għad-djalogu u l-bini ta’ pajjiż mibni fuq il-ġustizzja soċjali li tkun assigurata bil-parteċipazzjoni fil-ħajja politika u mhux bl-użu tal-armi.