Ċertifikat ġdid fil-ħarsien tat-tfal u ż-żgħażagħ fl-Università

Boroż ta' studju fit-Teoloġija u f'oqsma tal-Pastorali

Il-Fakultà tat-Teoloġija fl-Università ta’ Malta, flimkien mal-Fakultà għat-Tisħiħ tas-Soċjetà u s-Safeguarding Commission tal-Knisja f’Malta, qed tniedi Ċertifikat fil-Ħarsien (Safeguarding) tat-Tfal u ż-Żgħażagħ li se jiftaħ f’Ottubru 2020. L-applikazzjonijiet bħalissa huma miftuħin.

Iċ-Ċertifikat hu fuq bażi part-time li jsir filgħaxija u mifrux fuq żewġ semestri. Hu maħsub l-aktar għal dawk involuti f’ħidma jew attività mat-tfal u ż-żgħażagħ, speċjalment fl-oqsma tal-volontarjat, edukazzjoni, pastorali, ħidma soċjali, katekeżi, sport u rikreazzjoni.

Fi stqarrija l-Arċidjoċesi ta’ Malta qalet li l-lectures se jsiru l-Università u online. L-għanijiet tal-kors huma:

  • li jintroduċi l-parteċipanti għat-temi prinċipali u l-istandards dwar il-ħarsien tat-tfal u ż-żgħażagħ
  • li jagħti lill-kandidati għarfien u ħiliet bażiċi biex jagħrfu u jirrispondu b’mod effettiv għas-sinjali ta’ abbuż, u jifhmu l-konsegwenzi koroh tal-abbuż
  • li jippreżenta lill-parteċipanti l-prinċipji fundamentali ta’ kura personali, kif ukoll l-obbligi etiċi u legali relatati mal-ħidma tat-tfal u ż-żgħażagħ.

Għal aktar informazzjoni jew biex tapplika, ċempel fuq 23402767 jew żur is-sit tal-Università.

Iċ-Ċertifikat hu wieħed mill-korsijiet li jikkwalifika għall-iskema ta’ boroż ta’ studju offruti mill-Fondazzjoni għall-Istudji Teoloġiċi tal-Arċidjoċesi ta’ Malta lil min jixtieq ikompli l-istudji tat-teoloġija u l-oqsma pastorali fil-Fakultà tat-Teoloġija.

Għas-sena akkademika 2020-2021, il-Fondazzjoni qed toffri għaxar boroż, li se jitqassmu skont dawn il-kriterji:

  • boroż ta’ €300 għal min japplika għaċ-Ċertifikat fil-Ħarsien tat-Tfal u Żgħażagħ
  • boroż ta’ €800 għal min japplika għad-Diploma fl-Istudji Reliġjużi
  • boroż ta’ €2,000 għal min japplika għall-Baċellerat fl-Arti (bl-Unuri) fit-Teoloġija (part-time), M.A. fl-Istudji Reliġjużi, M.A. fit-Teoloġija, M.A. fl-Ispiritwalità jew M.A. fl-Akkumpanjament Spirtwali.

L-applikazzjonijiet għall-boroż ta’ studju jagħlqu fl-1 ta’ Ottubru 2020.