Il-Knisja f’Malta taħt il-lenti fi tmiem il-ġimgħa

L-Assemblea Djoċesana se titlaqqa’ nhar il-Ġimgħa u s-Sibt, biex tistudja s-sitwazzjoni tal-Knisja f’Malta llum, bit-tema ispirata mill-Papa Franġisku, ‘Knisja qaddejja tal-bniedem, qaddejja tal-ħajja’.
L-Assemblea se titratta il-ministerjalità fil-Knisja, jiġifieri b’liema mod il-Knisja tista’ tkun aktar qaddejja tal-bniedem tal-lum, fuq l-eżempju ta’ Ġesù Kristu qaddej, u kif f’dan is-servizz jistgħu jagħtu sehem lajċi, reliġjużi, u membri tal-kleru. L-Assemblea se titratta’ wkoll il-ħidma favur il-ħajja umana.
F’dawn iż-żewġ oqsma, l-Assemblea tkun qed tagħti kontribut għall-Pjan Pastorali 2015-2017 tal-Arċidjoċesi ta’ Malta li se jkun mibni fuq ‘Knisja qaddejja tal-bniedem, qaddejja tal-ħajja’.
Din hija l-ħdax-il Assemblea minn wara s-Sinodu Djoċesan u se ssir fis-sala prinċipali tal-Iskola Santa Monika, B’Kara.
Wara l-Assemblea Djoċesana, matul ix-xhur ta’ Ottubru u Novembru, f’kull parroċċa f’Malta ssir Assemblea Parrokkjali. Il-ħsieb hu li l-parroċċa tagħraf aktar dak li Papa Franġisku qed jitlob minnha llum u tfassal Pjan 2015-2017.
L-Assemblea se tkun ippreseduta mill-Arċisqof flimkien mal-Isqof Awżiljarju. Għaliha jkunu mistiedna kemm il-membri tal-kunsilli l-aktar importanti tal-Knisja li jagħtu parir lill-Arċiqof, kif ukoll il-mexxejja u rappreżentanti mill-oqsma kollha tal-Knisja f’Malta.