“Il-Knisja qisha magna fgata” – l-Isqof Grech

L-Isqof t’Għawdex Mario Grech qal li l-poplu t’Alla f’Malta qisu magna fgata li ma tistax tistartja. Waqt omelija fil-funeral ta’ Ġuża Grech fil-Bażilika ta’ San Ġorġ fil-Belt Victoria, l-Isqof Grech qabbel il-knisja ma’ magna li tipprova tqabbadha imma dlonk tintefa.

Kien hawnhekk li aċċenna għal dak li kiteb San Pawl meta qal li l-liġi toqtol u l-ispirtu jagħti l-ħajja. Semma kif anke fil-kamp ċivili, dawk li japplikaw il-liġi jridu jippruvaw jimxu skont l-ispirtu tagħha.

Staqsa għaliex ħafna drabi l-Insara tonqoshom il-paċi interjuri u ixaqilbu iktar lejn id-dwejjaq.  L-Isqof Grech spjega li waħda mir-raġunijiet hija għax it-twemmin Nisrani xi drabi jirriduċi ruħu għal sensiela ta’ liġijiet.

Kompla jgħid li l-qofol tat-twemmin Nisrani mhux il-ħarsien estern tan-normi daqskemm l-impenn tal-bniedem biex iniżżel għeruqu fil-misteru ta’ Alla.

L-Isqof t’Għawdex argumenta li l-impenn primarju tan-Nisrani biex jikseb il-ferħ u jkollu l-paċi tal-qalb, huwa li jfittex jagħmel esperjenza personali ta’ Ġesù.

Tkellem ukoll dwar l-aħħar tislima li qed tingħata Ġuża Grech li qal isimha huwa sinonimu mal-Azzjoni Kattolika.

Ritratt: Carmel Saliba