Il-Knisja fl-Italja l-ikbar oppożizzjoni tal-partit kontra l-immigranti

Il-Knisja fl-Italja prattikament saret l-oppożizzjoni kontra l-partit fil-Gvern kontra l-immigranti skont professur fl-Università ta’ Villanova fl-Istati Uniti.

Il-professur li jistudja l-Kattoliċiżmu u l-politika Ewropea qal li qatt ma kienet li l-vuċijiet uffiċjali tal-Knisja Kattolika huma tant kontra l-Gvern Taljan.

Skont il-ġurnal The Washington Post, diversi qassisin Taljani qed jippriedkaw kontra l-ksenofobija. Intqal li l-vuċijiet tagħhom qamu f’mument fejn hemm biss ftit nies oħra li qed isemmgħu leħinhom kontra dan. Anke partiti Taljani fl-oppożizzjoni.

F’knisja żgħira fiċ-ċentru tal-Italja, qassis qal lill-kongregazzjoni tiegħu li li l-motto tal-aktar politiku famuż fl-Italja huwa “it-Taljani l-Ewwel”. Qal li dan imur kontra l-Kristjaneżmu.

Qassis ieħor qal li dawk in-nies li jappoġġjaw il-partit ta’ kontra l-immigranti ma jistgħux jissejħu Nsara.

Fi Sqallija, Arċisqof ta’ Palermo, Corrado Lorefice ikkritika lill-politiċi talli qed jgħinu lis-suċċess miżeru tagħhom permezz tal-esplojtazzjoni tal-biża’ mill-immigranti. L-Arċisqof saħaq li l-Knisja ma tistax tibqa’ siekta.

Skont artiklu li deher f’The Washington Post, hekk kif il-politika fl-Italja qed ixxaqleb lejn il-lemin, il-Knisja Kattolika qed tirrispondi b’għajta ta’ oppożizzjoni.

Il-Papa Franġisku tkellem diversi drabi dwar l-umanità u d-drittijiet tal-immigranti. Huwa avża dwar is-sentiment ta’ kontra l-immigranti li qed iqum f’diversi pajjiżi madwar id-dinja.

Diversi kelliema oħra tal-Knisja tkellmu dwar it-tħassib tagħhom fiż-żieda tal-movimenti kontra l-immigrazzjoni f’diversi pajjiżi li l-maġġoranza tal-popolazzjoni tagħhom hija Nisranija.

Il-Washington Post qalet li l-Ministru għall-Intern fl-Italja Matteo Salvini, li ġieli joħroġ bil-kuruni tar-rużarju, jiddesrivi lill-immigranti bħala “mewġa ta’ delikwenti” li jrid jibgħat lura lejn pajjiżhom.

Fl-Italja, aktar minn 650,000 persuna wasslu minn fuq il-baħar mill-2014 ‘l hawn. Ir-rabja kontra l-immigranti dejjem baqgħet tikber.