Il-Knisja fl-Indja tgħin fl-emerġenza kkaġunata minn għargħar

Kerala u stati oħra fl-Indja intlaqtu minn għargħar kbar u bosta jinsabu bla dar

Dun George Vettikattil, li jmexxi s-Servizzi Soċjali tal-Knisja fl-istat ta’ Kerala fl-Indja li għandha 32 djoċesi, qal li bħalissa l-isforzi kollha tal-Knisja f’dan l-istat huma dedikati biex tingħata għajnuna fl-emerġenza li nħolqot minn għargħar kbar li laqtu l-inħawi fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet wara xita qawwija.

L-għargħar li kienu kkaġunati minn monsun kbir qed jgħarrqu żoni vasti fi stati fin-nofsinhar u l-Punent tal-Indja filwaqt li l-aġenziji kollha tal-Knisja qed jgħaqqdu l-isforzi tagħhom f’ħidma ta’ salvataġġ u għajnuna.

Mill-anqas 200 persuna mietu f’għargħar u ċaqlieq fl-art wara xita li ma waqfitx għal jiem sħaħ u li laqtet l-aktar l-istati ta’ Kerala, Karnataka, Maharashtra u Gujarat. Aktar minn 1,200,000 persuna ntlaqtu minn dan id-diżastru naturali.

Sadattant xita qalila laqtet ukoll Uttarakhand u Jammu fejn disa’ persuni mietu mirduma meta ċediet l-art.  Ħames persuni oħra mietu f’Bengal u Odisha f’inċidenti kkaġunati minn xita qawwija.

Kerala, l-agħar li ntlaqtet

Kerala, fejn f’Awwissu tas-sena li għaddiet kienu mietu 480 persuna kaġun tal-għargħar, din is-sena wkoll kien l-aktar stat li ntlaqat ħażin. Sa nhar it-Tnejn li għadda f’Kerala kienu mietu 85 persuna filwaqt li f’Karnataka, Gujarat u Maharashtra, 116-il persuna oħra tilfu ħajjithom.

Dan apparti li madwar 250,000 persuna tilfu djarhom f’Kerala u bħalissa qed jgħixu f’1,600 kamp li jinkludu skejjel tal-Knisja, hostels u anke knejjes.

Il-Knisja fetħet il-bibien      

L-aġenziji tal-Knisja Kattolika qed jilqgħu għandhom 45,000 persuna fi 300 istituzzjoni tal-Knisja li qed jintużaw bħala Kampijiet, qal Dun Vettikattil.

“Ftaħna l-istituzzjonijiet kollha tagħna biex nakkomodaw nies fil-bżonn f’postijiet temporanji imma siguri”, qal id-Direttur tas-Servizzi Soċjali tal-Knisja f’Kerala lill-Vatican News. Hu spjega li fl-istat ta’ Kerala, 10 mill-14-il distrett intlaqtu minn dulluvju.  Kien hemm aktar minn 100 każ fejn ċediet l-art u hemm ħafna nies mitlufa.

Kull djocesi f’Kerala għandha dipartiment għas-servizzi soċjali li flimkien ma’ istituzzjonijiet Kattoliċi oħra fosthom parroċċi u organizzazzjonijiet li hemm fihom qed jagħmlu ħidma ta’ salvataġġ u għajnuna.

Bħalissa l-Knisja qed tmexxi aktar minn 1,000 kamp fejn hemm 50,000 persuna li qed jieħdu ħsiebhom is-soċjetajiet tal-għajnuna soċjali tal-Knisja.  Dawn qed jipprovdu ikel u oġġetti oħra lin-nies irrispettivament mit-twemmin reliġjuż tagħhom.

Għajnuna mis-sajjieda

Huwa tkellem ukoll ma’ Vatican News dwar il-komunitajiet tas-sajjieda li qed jgħinu permezz tad-dgħajjes tagħhom.  Fl-għargħar tas-sena l-oħra s-sajjieda kienu salvaw madwar 65,000 persuna.  Issa fis-sitwazzjoni attwali d-dgħajjes tas-sajjieda qegħdin f’diversi lokalitajiet jgħinu fil-ħidma ta’ salvataġġ.

Min-naħa tagħha l-Knisja Kattolika qed tikkollabora mal-Gvern li għandu l-pjani tiegħu għal din is-sitwazzjoni filwaqt li l-Knisja qed tiffoka l-ħidma tagħha fuq il-kampijiet għan-nies milquta.