Il-Knisja fl-Asja tagħżel enerġija rinnovabbli skont Laudato Si

Il-Knisja fl-Asja tfittex enerġija nadifa fosthom enerġija mir-riħ

Il-Knisja Kattolika fl-Asja, biex timxi mal-Enċiklika Laudato Si għażlet li tuża enerġija rinnovabbli biex tkun qed tikkontribwixxi il-problema kumplessa tal-bdil fil-klima tad-dinja.

L-aġenzija tal-aħbarijiet FIDES irrappurtat li dan kien ir-riżultat ta’ laqgħa li saret fl-aħħar jiem f’Bangladesh. “L-użu tal-enerġija rinnovabbli fil-parroċċi, il-komunitajiet u l-istituti Kattoliċi fl-Asja u fid-dinja hi materja ta’ dixxerniment għax hi għażla kruċjali,” qal Fr. Charles Irudayam, saċerdot Indjan, ex Segretarju tal-Kummissjoni Ġustizzja, Paċi u Żvilupp tal-Konferenza tal-Isqfijiet Indjani, li kien preżenti għall-imsemmija laqgħa.

Fr. Irudayam kien fost 40 parteċipanti fosthom Isqfijiet, qassisin u lajċi minn 11-il pajjiż Asjatiku li attendew.  It-tema ewlenija tal-konferenza kienet: “L-Għażla għal Enerġija Rinnovabbli fil-Kuntest Asjatiku”.

Id-domanda għall-enerġija qed tiżdied

F’kumment lil FIDES, Fr Irudayam qal li “Skont rapport pubblikat f’Awwissu li għadda mill-Aġenzija Internazzjonali tal-Enerġija Rinnovabbli, l-Asja tirrappreżenta kważi żewġ terzi taż-żjieda fil-kapaċità tal-enerġija rinnovabbli, fuq skala mondjali. Bl-iżvilupp tal-ekonomiji Asjatiċi, id-domanda għall-enerġija qegħda dejjem tikber.

“Il-Gvernijiet ta’ diversi pajjiżi fl-Asja qed jitfgħu l-attenzjoni tagħhom fuq enerġiji rinnovabbli: enerġija mir-irħ, mix-xemx, bioenerġija, enerġija ġeotermika u hydroelectric, minħabba s-sigurtà tal-provvista, il-prezzijiet u l-kwestjonijiet ambjentali.

“Wieħed irid jiftakar li l-enerġija mix-xemx u r-riħ – forom sostenibbli ta’ enerġija għal-ġenerazzjoni tal-elettriku, li ma jniġġżux l-arja u ma jikkontribwixxux għall-bdil fil-klima – issa saru orħos mill-faħam, fl-Asja kollha.

“L-argument li l-faħam hu l-aktar mod sigur u ħafif għall-iżvilupp, ma għadux jgħodd meta wieħed iqis il-konsegwenzi dannużi tiegħu. Hemm bżonn li nibdew inqisu l-prezz tal-kura li tingħata lil pazjenti bi problemi respiratorji, li nibnu bliet mill-ġdid wara xi għargħar, li nipprovdu għixien lill-bdiewa li jitilfu l-prodotti tagħhom minħabba n-nixfa u konsegwenzi oħra marbuta mal-użu taż-żejt prodott mill-fossili.

Immorru għal enerġija nadifa

“Il-pajjiżi tal-Asja iridu jgħaddu malajr mill-użu tal-fossil fuels għal enerġija nadifa u l-Knisja Kattolika qed toffri l-kontribut tagħha għal din il-bidla kulturali u prattika”.

Il-Gvernijiet Asjatiċi “għandhom bżonn bidla u jagħmlu sforz konċentrat għal ekoloġija integrali u jpoġġu d-dinjità umana u l-ħasien tad-dar komuni, fiċ-ċentru tal-politika tagħhom.  Din hi sfida kbira, imma fl-istess waqt hi wkoll opportunità li għandna naħtfu b’kuraġġ. Aħna lkoll imsejjħa biex fil-kontinent Asjatiku  nagħżlu l-enerġija rinnovabbli,” qal Fr Irudayam.

“Il-Konferenzi Episkopali fl-Asja waqqfu Kummissjonijiet għall-Ekoloġija Integrali b’risposta għall-appell tal-Papa Franġisku, fl-Enċiklika tiegħu Laudato Si pubblikata fl-2015, fejn appella lill-popli ta’ rieda tajba biex jieħdu ħsieb il-kreazzjoni.

“Il-Knisja Kattolika fl-Asja – temm jgħid Fr. Irudayam – hi konxja mill-importanza u l-urġenza li twieġeb b’urġenza għall-isfidi tal-ħarsien tal-ambjent u tipprova  tibda triq ġdida għall-kura u l-protezzjoni tal-ħolqien.”