Il-Knisja fl-Arġentina tappella għal Patt Soċjali

L-Arġentina għaddejja minn kriżi ekonomika u soċjali kbira

Inqas minn ġimgħa wara l-inawgurazzjoni ta’ Alberto Fernandez bħala President ġdid tal-Arġentina, li se jieħu l-ħatra llum stess,  il-Knisja Kattolika fl-Arġentina qed tippreżenta lilha nnifisha bħala punt ta’ riferenza biex jintlaħaq Patt Soċjali li jieħu ħsieb il-foqra fil-pajjiż.

Għal dan l-iskop il-Kummissjoni dwar il-Kura Pastorali tal-Konferenza Episkopali Arġentina, liema Kummissjoni hi mmexxija minn Mons Jorge Ruben Lugones, Isqof ta’ Lomas de Zamora, fl-4 ta’ dan ix-xahar iltaqgħat ma’ rappreżentanti tal-Assoċjazzjoni magħrufa bħala “Table of dialogue for work and dignified life” li fiha hemm is-settur ewlenija tal-ekonomija li huma x-xogħol u l-produzzjoni.

Informazzjoni li ntbagħatet lill-Aġenzija tal-Aħbarijiet FIDES tgħid li għal din il-laqgħa attendew rappreżentanti ta’ diversi gruppi soċjali fosthom industrjalisti ħaddiema, is-settur tal-kooperattivi, rappreżentanti tal-ekonomija soċjali u oħrajn.

Kien hemm qbil dwar l-importanza fundamentali tal-ħidma pastorali soċjali li qed issir u li wasslet għat-twaqqif ta’ din l-Assoċjazzjoni fejn isiru laqgħat ta’ djalogu u jitressqu proposti maħsuba biex tinstab soluzzjoni istituzzjonali għall-problemi ekonomiċi u soċjali li wasslu għall-kriżi li jinsab fiha l-pajjiż.

F’din il-laqgħa kienet indirizzata is-sitwazzjoni diffiċli li jinsabu fiha l-istituzzjoni demokratiċi fl-Arġentina. Fi tmiem il-laqgħa il-Konfenza Episkopali ipproponiet li jkun żviluppat u formaliżżat Patt Soċjali biex ikunu megħjuna l-foqra.

Bħalissa l-Arġentina għaddejja  minn perjodu delikat ħafna tant li fit-tielet tliet xhur ta’ din is-sena, 48% tal-popolazzjoni hi meqjusa bħala fqira.  Dan ħareġ minn studju li sar mill-Università Kattolika tal-pajjiż.

Dan hu l-ogħla perċentaġġ ta’ persuni fqar li kien reġistrat fl-Arġentina f’dawn l-aħħar għaxar snin. Fil-fatt l-aħħar sena tal-President Maurizio Macri li issa tile fil-poter il-foqra ġodda żdiedu bi 2.8 miljun persuna.  Dan ifisser li 4 minn kull 10 persuni huma faqra, jew 16-il miljun persuna.

Ir-rapport tal-Università Kattolika jinnota li r-raġunijiet għal din is-sitwazzjoni soċjali huma kawżati mill-kriżi ekonomika li kompliet teħżien fl-aħħar sena bid-devalwazzjoni tal-munita inflazzjoni li se tilħaq il-54%, tnaqqis fil-pagi u riċessjoni.

SInjifikanti hu l-punt li joħroġ mill-istess rapport hu ż-żjieda tal-faqar fil-klassi medja li kiber ħafna fl-aħħar sentejn minn 4.9% fl-2017 għal 8.1% fis-sena ta’ wara u 14.2% din is-sena.