Il-Qorti tal-Arġentina tingħata ċertifikati ta’ magħmudijiet li saru f’kamra tat-tortura

Il-Knisja Kattolika fl-Arġentina, aktar kmieni din il-ġimgħa ħabbret li se tgħaddi lill-Qorti aktar minn 100 ċertifikat tal-magħmudija li saru fil-kappella ta’ bażi tan-forza navali li kienet tintuża’ bħala kamra tat-tortura fi żmien id-dittatorjat f’dak il-pajjiż.
Ħafna qed jittamaw li l-informazzjoni li hemm f’dawn iċ-ċertifikati tista’ tgħin biex ikun magħruf x’sar mit-tfal li ttieħdu mingħand il-priġunieri politiċi miżmuma f’dan iċ-ċentru u li ħafna drabi kienu adottati b’mod illegali mill-familji tan-nies tal-militar. Gruppi li jaħdmu favur id-Drittijiet tal-Bniedem isostnu li ħafna mill-ġenituri bioloġiċi ta’ dawn it-tfal li kienu miżmuma bħala priġunieri, eventwalment inqatlu.
“Aħna nemmnu li l-Knisja għandha tagħmel kull sforz biex tikkontribwixxi biex tinbena memorja, issir magħruf l-verità u ssir ġustizzja f’kull qasam, speċjalment minħabba l-gravità tad-delitti kontra l-umanità li twettqu tul is-snin tat-terroriżmu tal-Istat, bejn l-1976 u l-1983”, qalet fi stqarrija l-Konferenza Episkopali tal-Arġentina.
L-Isqfijiet qalu li d-deċżjoni tagħhom li jgħaddu dawn iċ-ċertifikati lill-Qorti hi tweġiba għax-xewqa tal-Papa Franġisku li kien wiegħed lill-gruppi tad-Drittijiet Umani li l-Knisja għad tgħaddi dawn id-dokumenti biex tgħin ħalli tgħin biex ikunu kjarifikati d-delitti mwettqa mir-reġim militari.
B’kollox, 127 ċertifikat ta’ magħmudijiet li saru bejn l-1975 u l-1984 fil-kappella tal-Iskola Navali se jingħataw lill-Imħallef Sergio Torres li qed jisma’ kawżi marbuta ma’ dan iċ-ċentru tat-tortura. Jingħad li madwar 5,000 persuna kienu spiċċaw f’dan il-post u minnhom ftit biss kienu dawk li ħarġu ħajjin.  Fiċ-ċentru kien hemm ukoll sptar tal-maternità klandestin.
Il-Grupp “Nanniet ta’ Plaza de Mayo” isostni li almenu 500 tarbija insterqu mill-ġenituri tagħhom u kien adottati minn persuni oħra.  Riċentement, 127 persuna minn dawn it-trabi adottati li issa saru adulti, irnexxielhom jiskopru min kienu l-ġenituri naturali tagħhom.
Il-Kap ta’ dan il-Grupp, Estela de Carlotto, iltaqgħet mal-Papa Franġisku fil-Vatikan f’żewġ okkażżjonijiet u talbitu biex il-Knisja tgħaddi dawn iċ-ċertifikati lill-Qorti.
Filwaqt li l-figura uffiċċjali ta’ dawk li nqatlu tul is-snin tad-dittatura hi ta’ 8,000 persuna, gruppi favur id-drittijiet tal-bniedem isostnu li dan in-numru hu ta’ madwar 30,000.