Il-Knisja f’Iżrael tiftaħ postijiet għal tfal minn familji ta’ immigranti

Il-Patrijarki Nsara ta’ Iżrael, filwaqt li kkundannaw id-deċiżjoni tal-Gvern li jkeċċi madwar 38,000 immigrant, fetħu djar f’Ġerusalemm u Tel Aviv biex jindukraw it-tfal ta’ dawn il-familji f’diffikultà.
“Filwaqt li nifhmu l-bżonn li d-dħul ta’ persuni jfittxu l-ażil ikun ikkontrollat, ma nistgħux nibqgħu indifferenti għall-ħtiġijiet ta’ tant refuġjati li qed jaħarbu minn dittatorjati, gwerer u kundizzjonijiet terribbli oħra” qalu f’dikjarazzjoni konġunta s-seba’ Patrikjarki Nsara ta’ Iżrael.
“Il-ġid ta’ Iżrael mhux se jintlaħaq għad-detriment ta’ tant ħajjiet li huma fil-periklu u li qed jiffaċċjaw futur inċert ħafna”, qalet l-istqarrija.
Id-deċiżjoni tal-Gvern ta’ Netanyahu mistennija tolqot aktar minn 40,000 Sudaniż u Eritrean li daħlu illegalment fil-pajjiż mill-2000 'l hawn.
F’Tel Aviv, il-Patrijarkat Latin iddeċieda li juri l-appoġġ tiegħu għal dawn in-nies billi fetaħ dar għat-trabi –Notre Dame de Valeur – biex fiha jilqa’ t-tfal ta’ dawn il-familji.
Dan il-bini minn barra jidher bħal kull binja oħra f’dawn l-inħawi foqra iżda fuq ġewwa, barra kappella, hemm klabb għaż-żgħażagħ u din id-dar. Kuljum fih imorru madwar 20 tifel u tifla ta’ bejn tliet xhur u tliet snin li l-familji tagħhom ġejjin mill-Eritrea, l-Indja, il-Filippini u s-Sudan.
Sa mis-7am il-care workers jieħdu ħsieb dawn it-tfal waqt li l-ġenituri tagħhom imorru jaħdmu. Fl-2013 sebat itfal ta’ immigranti mietu fi “djar privati” fejn kienu jinżammu f’kundizzjonijiet fqar minn persuni mhux kwalifikati li huma wkoll kienu immigranti. Wara dan l-inċident il-gvern lokali talab l-għajnuna tal-Patrikjarkat.
Waħda mill-care workers f’din id-dar tat-trabi qalet li l-Gvern Iżraeljan irid ikeċċi lil dawn l-immigranti Sudaniżi u Eritreani jew jitfagħhom il-ħabs. Iżda l-immigranti jafu li jekk jitilqu jkunu qed jirriskjaw il-mewt u għalhekk iridu jibqgħu hawn.
Skont in-Nazzjonijiet Magħquda madwar 4,000 immigrant irregolari qablu li jitilqu mill-pajjiż volontarjament u se jmorru fir-Rwanda jew l-Uganda.
Il-proġett tal-Patrijarkat Latin qed ikompli jikber. Fl-2013 kien infetaħ ċentru ieħor u llum jattendu fih kuljum numru konsiderevoli ta’ tfal.
It-talba biex jiddaħħlu tfal f’dawn iċ-ċentri qed tkompli tikber u għalhekk hemm pjan biex jinfetaq ċentru ieħor dalwaqt.