Il-Knisja fir-Repubblika tal-Afrika Ċentrali tħarreġ żgħażagħ bla edukazzjoni

Il-Kardinal u l-President jiddiskutu s-sehem tal-Knisja fl-edukazzjoni

“Il-Knisja trid tħarreġ żgħażagħ u ċittadini ta’ għada biex ikun kapaċi jipparteċipaw attivament fil-bini u l-iżvilupp tal-pajjiż”. Din id-dikjarazzjoni għamilha l-Kardinal Dieudonne Nzapalainga, Arċisqof ta’ Bangui fiċ-ċerimonja tat-tqegħid tal-ewwel ġebla fil-bini taċ-Ċentru għal Taħriġ Tekniku u Vokazzjonali li qed tibni l-Knisja, dedikat lil San Ġużepp.

Skont rapport tal-aġenzija FIDES, il-President tal-pajjiż, Faustin-Archange Touadéra ħa sehem fiċ-ċerimonja li saret aktar kmieni dan ix-xahar.

23% bla edukazzjoni

F’diskors li għamel, il-Kardinal nzapalainga qal li 23% tal-persuni fl-età tax-xogħol li jgħixu f’dan il-pajjiż ma rċiviet ebda forma ta’ edukazzjoni u dan il-perċentaġġ jogħla aktar meta wieħed jersaq lejn iż-żoni rurali. Dawk li ma ħadu ebda edukazzjoni huma aktar minn miljun persuna li 700,000 minnhom huma bejn il-15 u l-25 sena.

Skont il-Kardinal, in-nuqqas ta’ edukazzjoni u taħriġ fpst oż-żgħażagħ hu wieħed mill-akbar fattur għaż-żjeda tal-qgħad fil-pajjiż, il-kriminalità, it-tensjoni spersunaoċjali u r-riskju li ħafna atkar żgħażagħ jingħaqdu fi gruppi armati.

Taħriġ għal 150 persuna

Iċ-Ċentru se jkun kapaċi jħarreġ 150 persuna, maqsuma fi tliet gruppi ta’ 50 student fis-sengħa tal-mastrudaxxi, mekkaniċi u ħaddiema fl-industrja tal-bini.

Se jkun hemm ukoll “boarding school” li takkomoda 50 student.  It-tmexxija ta’ dan is-simbolu ta’ kooperazzjoni bejn il-Gvern u l-Knisja se tkun f’idejn il-Patrijiet Franġiskani megħjuna mill-komunità reliġjuża.

Waqt konferenza tal-aħbarijiet li fiha ngħataw dettalji ta’ dan il-proġett tħabbru wkoll inizjattivi oħra fosthom il-bini ta’ skola primarja f’Bangui.