Il-Knisja fin-Nicaragua takkuża lir-reġim ta’ Ortega bi ksur tad-drittijiet umani

Dimostrant qrib il-Katidral ta’ Managua, iħares lejn ritratti ta’ persuni li nqatlu waqt protesta li saret kontra l-President Ortega. (Credit: Oswaldo Rivas/Reuters via CNS.)

Minn meta f’Mejju tas-sena li għaddiet fin-Nicaragua bdew irvellijiet kontra l-gvern tal-President Daniel Ortega u martu li hi l-Viċi President tal-pajjiż, akkużaw lill-Isqfijiet li qed jorganizzaw kolp ta’ stat u bdew isakkru lill-qasisin u lill-insara fil-knejjes parrokkjali tagħhom.

Fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet, saċerdot ieħor inżamm għal interrogatorju ta’ aktar minn tnax il-siegħa mill-awtoritajiet.

Iżda wieħed mill-Isqfijiet, flok ma’ beża’, fi tmiem il-ġimgħa żied id-doża tal-kritika tiegħu kontra r-reġim.

L-Isqof Abelardo Mata, ta’ Esteli iddikjara li l-Knisja Kattolika dejjem rat it-twiebet tal-persekuturi tagħha u fakkar lill-insara li fuq il-Kalvarju ma spiċċax kollox għax wara l-Kruċifissjoni waslet ukoll ir-Resurezzjoni.

L-Isqof appella lis-saċerdoti biex jibqgħu qrib dawk li qed isofru biex kif jgħid l-Antik Testment ikunu “qrib l-orfni, ir-romol u l-barranin”.

Persekuzzjoni

L-Isqof Mata kkundanna l-persekuzzjoni tal-Knisja Kattolika u s-saċerdoti tagħha għax huma “ma’ min qed isofri” u akkuża lir-reġim bi ksur tad-drittijiet umani ta’ eluf ta’ persuni li qed isofru fin-Nicaragua.

Huwa faħħar lill-eluf ta’ żgħażagħ li f’jum il-gradwazzjoni tagħhom, b’sinjal ta’ protesta ħarġu jxejjru l-bandiera bajda u blu, il-bandiera nazzjonali li l-Gvern ipprojbixxa milli tintuża.

Nhar is-Sibt li għadda, il-Pulzija arrestaw lil Dun Ramon Alcides Pena Silva għal tnax il-siegħa sħaħ u akkużawħ li “kiser il-paċi” 31 darba meta ċċelebra quddiesiet fil-knisja fil-belt ta’ Segovia li tagħmel parti mid-djoċesi tal-Isqof Mata.

L-għada li nħeles mill-pulizija, il-Ħadd, Dun Ramon qal: “L-Għodwa t-tajba. Se mmur inkompli bir-rutina tiegħi ta’ kuljum, se mmur “nikser il-paċi”, jekk issa ċ-ċelebrazzjoni tal-quddiesa fil-knisja hu ksur tal-paċi. Grazzi talli kontu nkwetati minħabba fija”.

Fi stqarrija li ħareġ nhar il-Ħadd, l-Isqof Mata ikkundanna l-mod arbitrarju li bih kien arrestat Dun Ramon Pena u qal li dan imur kontra d-drittijiet fundamentali kif imħarsa mill-Kostituzzjoni. Sostna li l-pulizija li żammew lill-qasis ma kellhom ebda ‘warrant’ għall-arrest tiegħu.

Ksur ta’ drittijiet

“Irrid nipprotesta għax minn April tal-2018 ‘l hawn il-pulizija rrinunzjat għad-dover tagħha li tipproteġi n-nies li jitolbu għall-ġustizzja, il-paċi, il-verità u l-libertà”, kiteb l-Isqof. “F’dawn il-kundizzjonijiet irrid infakkar lill-pulizija fid-doveri tagħhom. Din hi sejħa biex jaħdmu favur min hu bla difiża u jħossu oppressat.”

Il-persekuzzjoni u l-fastidju lil persuna li kkonsagra lilu nnifsu għas-servizz tal-oħrajn, huma inaċettabbli għax hu dan l-impenn lejn Kristu li jġiegħel lill-qassisin jitkellmu “kontra l-abbuż u l-ksur tad-drittijiet fundamentali tal-bniedem, f’dan il-każ ksur tad-dritt tal-libertà reliġjuża”, insista l-Isqof.

Fi tmiem id-dikjarazzjoni tiegħu l-Isqof Mata ndirizza lill-forzi tas-sigurtà tal-pajjiż u ħeġġiġhom biex jaħsbu ftit fihom infushom u l-familji tagħhom u ma jħallux lilhom infushom ikunu ‘manipulati’ minn dawk li sempliċement ‘”qed jużawhom bħala pupazzi biex jibqgħu nkaħħla mal-poter”.

Nhar il-Ħadd li għadda eluf ħadu sehem fil-festa tal-Kunċizzjoni u skonta l-aġenzija tal-aħbarijiet Crux madwar il-pajjiż kollu n-nies ħallew bnadar u fliexken tal-ilma f’riġeljn l-istatwi tal-Madonna, b’sinjal ta’ protesta kontra l-Gvern.

Il-fliexekn tal-ilma saru rilevanti ġimgħatejn ilu meta 13-il persuna kienu arrestati wara li ppruvaw iwasslu l-ilma lil grupp ta’ ommijiet li għandhom uliedhom il-ħabs liema ommijiet bħalissa qed jagħmlu strajk tal-ġuħ wara li l-pulizija mhux qed iħalluhom joħorġu mill-Knisja ta’ San Mikiel Arkanġlu f’Masaya, fejn ilhom imbarrat għal diversi jiem.