Il-Knisja fil-Peru tniedi fuq l-internet Kors Kontra l-Korruzzjoni

L-istatwa ġganteska ta’ Kristu tal-Paċifiku li tiddomina fuq il-belt kapitali tal-Peru, Lima. (Photo by Cris Bouroncle /AFP)

Il-Konferenza Episkopali tal-Peru ingħaqdet ma ħdax il-università kattolika oħra biex fasslu kors fuq l-internet maħsub biex jeduka liż-żgħażagħ tal-pajjiż kontra l-korruzzjoni.

Il-korruzzjoni fil-Peru hi problema kbira.  Hu suspettat li kull kap ta’ Gvern fil-Peru, bejn l-2001 u l-2008 ixxaħħmu mis-sidien tal-kumpannija ġgantesk tal-kostruzzjoni Brażiljana “Odebrecht” biex jiftħula s-swieq tal-pajjiż.

“Il-virus soċjali tal-korruzzjoni jinfetta l-istitutzzjonijiet pubbliċi u privati u jnaqqar mir-riżorsi li l-istat għandu bżonn biex jiġġieled il-problema tal-faqar”, qal l-Arċisqof Miguel Cabrejos ta’ Trujillo, President tal-Konferenza Episkopali tal-Peru li hu wkoll President tal-Kunsill tal-Isqfijiet tal-Amerika Latina.

“Irridu nindirizzaw il-problema tal-korruzzjoni mill-għeruq u dan jitlob li ż-żgħażagħ ikunu edukati għax minnhom tiddependi t-trasformazzjoni morali u ċivika tal-Peru”.

Xitan li rridu nkeċċu

L-iskop ta’ din l-inizjattiva hu li l-korsijiet fuq l-internet jgħinu lill-istudenti biex ikunu jistgħu jidentifikaw u jevitaw il-mekkaniżmi li jwasslu għall-korruzzjoni.  L-istudenti jkunu jistudjaw l-istorja tal-korruzzjoni fil-Peru u l-konsegwenzi li din ħalliet u qed tħalli fl-oqsma pubbliċi, privati, politiċi u kulturali tal-pajjiż.

Aktar ‘l quddiem mistennija jiżdiedu moduli oħra mal-kors fuq l-internet, fosthom l-istudju tad-dutrina soċjali tal-Knisja Kattolika u t-tagħlim tal-Papa San Ġwanni Pawlu II u tal-Papa Franġisku dwar il-korruzzjoni u l-istudju tal-valuri ċiviċi li jgħinu biex jinqered dan il-fenomenu.

L-Arċisqof Cabrejos isostni li l-problema m’hix sempliċement li wieħed jagħmel il-ħażin imma “il-ħsara ssir ukoll fil-mod kif il-Peruvjani jaċċettaw bħala xi ħaġa normali, il-korruzzjoni li huma mdawwrin biha”.

Il-Knisja Kattolika fil-Peru ilha ħafna twissi dwar il-pjaga tal-korruzzjoni u din il-kwestjoni ssemmiet ukoll mill-Papa Franġisku meta żar il-pajjiż f’Jannar tal-2018

Dakinhar, il-Papa Franġisku kien iddeskriva l-korruzzjoni bħala “id-demonju li rridu nkeċċu” kif ukoll bħala “forma ta’ degradazzjoni li bil-mod il-mod tikkontamina s-soċjetà kollha”.

Papa Franġisku kien għamel sejħa lil dawk li għandhom responsabbiltà biex jikkommettu ruħhom biex il-Peru isir pajjiż ta’ tama u opportunità għal kulħadd u mhux għall-ftit biss.