Il-Knisja fil-Paraguay tikkundanna l-vjolenza tal-Pulizija fuq ċittadini

Fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet nies li jopponu l-President tal-Paraguay Horacio Cartes taw in-nar il-bini tal-Parlament f’Asuncion bi protesta qawwija kontra l-attentat tal-President li jibdel il-Kostituzzjoni tal-pajjiż biex ikun jista’ jerġa’ jikkontesta l-elezzjoni għall-presidenza – ħaġa li ma jistax jagħmel bil-Kostitutzzjoni kif inhi.
Il-Mexxejja tal-Knisja Kattolika ħarġu jikkundannaw il-vjolenza użata mill-pulizija tar-reġim biex iwaqqfu lil min kien qed jipprotesta kif ukoll il-mira tal-politiċi li jappoġġjaw lill-President biex jilħqu l-iskop tagħhom kontra r-rieda tal-poplu.
Skont il-Kostitutzzjoni tal-1992, li kienet introdotta wara d-dittatura ta’ 35 sena, il-Kap tal-Istat jista’ jservi terminu wieħed biss ta’ 5 snin. Riċentement f’laqgħa sigrieta, 25 senatur, li huma maġġoranza f’Parlament ta’ 45 persuna, approvaw abbozz ta’ liġi li jemenda l-Kostitutzzjoni. L-Oppożizzjoni fil-pajjiż iddeskriviet dan bħala Kolp ta’ Stat.
Fil-protesti li saru fit-toroq ta’ Asuncion, mexxej żgħażugħ tal-Oppożizzjoni, inqatel mill-pulizija li daħlu fil-kwartier tal-Partit Liberali filwaqt li membru parlamentari ieħor tal-istess partit kellu ħalqu mfarrak minn balla tal-lastiku u kellu bżonn operazzjoni urġenti.  Sadattant nies li kienu qed jipprotestaw sfaw imsawwta brutalment mill-pulizija, oħrajn kienu arrestati, nisa arrestati kienu ordnati jinżgħu, priġunieri feruti ma tħallewx ikunu medikati u l-pulizija bdew jitolbu ħlas biex jeħilsu xi priġunieri.
Fid-dawl ta’ dan il-Konferenza Episkopali fil-Paraguay appellat biex ikun hemm ġesti konkreti għal djalogu u tmexxija trasparenti filwaqt li fl-Angelus tal-Ħadd li għadda, il-Papa Franġisku qal li kien qed isegwi b’attenzjoni kbira dak li qed iseħħ fil-Paraguay u stieden lil kulħadd biex jevita l-vjolenza u jaħdem għal soluzzjoni politika ġusta.
Fi stqarrija, is-Sorijiet Tereżjani fil-pajjiż esprimew id-dispjaċir profond tagħhom għall-mossa tal-25 senatur li tmur kontra l-liġi tal-pajjiż, li turi arroganza kbira u li ġiebet reazjoni rrabjata miċ-ċittadini li jridu pajjiż serju fejn is-saltna tal-liġi tkun suprema u fejn ikun hemm demokrazija vera.