Il-Knisja fil-Malasja tipprepara għas-Sena Straordinarja tal-Missjoni

Insara fill-Malasja jitħejjew għas-Sena Missjunarja

Fis-6 ta’ Jannar li ġej, festa tal-Epifanija il-Knisja Kattolika fil-Malasja, Singapore u l-Brunei se tinawgura “Is-Sena Straordinarja tal-Missjoni” li tilħaq il-qofol tagħha f’Ottubru 2019 meta fuq talba tal-Papa Franġisku jkun ċelebrat “Ix-xahar Straordinarju tal-Missjoni”.

Dan tħabbar f’rapport li ntbagħat lill-Aġenzija tal-Aħbarijiet Kattoliċi FIDES, mill-Isqof Sebastian Francis, mexxej tad-djoċesi ta’ Penang u President tal-Konferenza Episkopali ta’ dawn it-tliet pajjiżi.  Id-djoċesijiet diġa’ bdew it-tħejjijiet għal din is-sena straordinarja.

L-Istitut għall-Evanġeliżazzjoni tal-Malasja dan l-aħħar organizza sessjoni speċjali ta’ formazzjoni għal kattoliċi lokali prominenti li tmexxiet mill-Isqof Sebastian Francis ta’ Penang u l-Isqof Bernard Paul ta’ Malacca-Johore, li għaliha attendew 56 parteċipant fosthom mexxejja ta’ komunitajiet u ħaddiema pastorali.

Il-miri tas-Sena Straordinarja tal-Missjoni kienu spjegati minn Fr Victor Louis, Direttur Nazzjonali tas-Soċjetajiet Missjunarji Pontifiċi tat-tliet djoċesijiet. Hu fakkar l-idea tal-Papa Franġisku għal dawn iċ-ċelebrazzjonijiet: L-Evanġeliżazzjoni hi tweġiba għal kmand t’Alla “Morru fid-dinja kollha u pproklamaw l-Evanġelju lill-popli kollha.”

“Li nobdu l-mandat ta’ Alla mhix għażla imma hi l-missjoni essenzjali tal-Knisja; il-Knisja hi missjunarja min-natura tagħha: teżisti biex tevanħeliżża. Fil-fatt l-Evanġeliżazzjoni hi l-grazzja u ssejħa proprja tal-Knisja”, qal id-Direttur.

Il-ħamest ijiem ta’ studju fetħu b’ċelebrazzjoni Ewkaristika speċjali fejn kien enfasiżżat li kull min hu mgħammed hu msejjaħ biex jevanġelizza.  Il-parteċipanti għamlu esperjenza ta’ Evanġeliżazzjoni billi żaru sptar lokali, ċentru tal-ħwienet u Dar tal-Anzjani.

Ix-Xahar Straordinarju tal-Missjoni f’Ottubru 2019 se jimmarka l-100 anniversarju tal-Ittra Apostolika “Maximum Illud” li kien ħareġ fl-1919 il-Papa Benedittu XV u ċ-ċelebrazzjonijiet ta’ din is-sena se jkollhom it-tema: Mgħammda u Mibgħuta Il-Knija ta’ Kristu f’Missjoni fid-Dinja. L-iskop hu li jiżdided l-għarfien tal-“missjoni għan-nies” u jingħata impetus ġdid għat-trasformazzjoni missjunarja tal-ħajja tal-Knisja.