Il-Knisja fil-Malasia tiddedika r-Randan għall-ambjent

Il-logo għall-kampanja tar-Randan fl-arċidjoċesi ta’ Kuala Lumpur

L-Uffiċċju tal-Iżvilupp Uman tad-djoċesi ta’ Kuala Lumpur fil-Malasia nieda kampanja għar-Randan bit-tema “Nieħdu ħsieb id-Dar Komuni Tagħna” li matulha qed jippromwovi dawk li jissejħu Parroċċi Laudato si.

“Talb – Sawm – Karità”. Skont l-Uffiċċju għall-Iżvilupp Uman, dan hu meħtieġ biex noħolqu spazju għal Laqgħa ma’ Alla.  “L-Avvent joffrilna invit għal spiritwalità ekoloġika magħġuna fil-konvinzjoni tal-fidi tagħna”.

Materjal elettroniku

Flimkien ma’ messaġġi dwar ir-Randan  li jipproponi kliem il-Papa Franġisku fl-Enċiklika tiegħu Laudato si, li fiha l-Papa jitlobna biex “nisimgħu l-karba tal-art u tal-foqra”, l-arċidjoċesi ta’ Kuala Lumpur ħejjiet ukoll, kotba, power points u action sheets li jistgħu jinkisbu minn fuq is-sit elettroniku tagħha.

Wieħed minn dawn id-dokumenti li kien tradott f’diversi lingwi jikkonsisti f’Kalendarju tar-Randan. Dan joffri mixja ta’ 40 jum tul iri-Randan. Dan il-kalendarju, barra milli jsejjaħ għal talb għall-paċi u biex tintwera ħniena u għajnuna lil dawk fil-bżonn, il-Mixja titlob ukoll li jsiru affarijiet immirati għall-kura tal-ambjent.

It-13-il jum jitlob li wieħed jiżra pjanta u jieħu ħsiebha; il-25 jum jitlob li wieħed jibda jirriċikla laned, karti u kartun u jieħu ħsieb l-ambjent. Aktar qrib l-Għid il-kalendarju jappella biex nibżgħu għall-ambjent billi nitfu d-dawl u nagħlqu l-viti tal-ilma meta mhux jintużaw.

Parroċċa Laudato si

Id-djoċesi qed tappella biex isiru attivitajiet ta’ karità, oħrajn li jġibu ‘l quddiem l-iżvilupp integrali uman u l-ġustizzja u l-paċi fi ħdan il-Knisja Kattolika fl-arċidjoċesi ta’ Kuala Lumpur. L-iskop ta’ din il-kampanja hu li jkun hemm żvilupp holistiku tal-persuna umana u tan-nies kollha, speċjalment min hu dgħajjef, żvantaġġjat jew emarġinat.

Id-djoċesi tfisser il-benefiċċji ta’ parroċċa Laudato si u tisħaq fuq ir-responsabbiltà ta’ kulħadd, kemm bħala individwi kif ukoll bħala komunità parrokkjali li nibżgħu għad-Dar Komuni tagħna.