Il-Knisja fil-Lussemburgu jiddispjaċiha li twaqqaf it-tagħlim tar-reliġjon fl-iskejjel

Il-Knsija Kattolika fil-Lussemburgu esprimiet it-tħassib u d-dispjaċir tagħha għad-deċiżjoni tal-Gvern li jwaqqaf it-tagħlim tar-reliġjon fl-iskejjel bħala parti minn pjan tal-Gvern Ċentru Xellugi li fi żmien 20 sena ikun hemm separazzjoni kompleta bejn l-Istat u l-Knisja.
“Dan il-pajjiż għandu tradizzjoni twila ta’ klassijiet tar-reliġjon fl-iskejjel flimkien mal-preparazzjoni li jagħtu l-katekisti lit-tfal li jkunu se jersqu għall-Ewwel Tqarbina”, qal il-Kap tat-Tagħlim Reliġjuż tad-djoċesi tal-Lussemburgu, “Issa kollox irid isir mill-parroċċi u se jitpoġġa piż ieħor fuq il-ġenituri li issa ma jistgħux joqogħdu fuq l-għajnuna tal-iskejjel”.
F’dawn il-jiem daħlet fis-seħħ liġi li l-Parlament approva f’Lulju li għadda li l-lezzjonijiet tar-reliġjon jinbidlu ma’ lezzjonijiet dwar “Il-Ħajja u s-Soċjetà”. 
Din il-bidla għamlitha aktar diffiċli għall-Knisja fil-Lussemburgu li għamlet rijorganizzazzjoni u minn 274 parroċċa miżżlithom għal 33. Għalhekk issa mhux magħruf kemm ġenituri jkunu jistgħu jieħdu lil uliedhom fil-klassijiet tar-reliġjon fil-parroċċa wara l-ħin tal-iskola.
Il-Knisja issa se jkollha taqa’ biss fuq katekisti volontarji wara li l-aħħar 40 katekista mħallsa mill-Gvern jilħqu l-età tal-pensjoni.
Il-Kattoliċi fil-Lussemburgu jagħmlu żewġ terzi tal-popolazzjoni ta’ madwar 530,000 persuna. Il-Knisja, li bħalissa titmexxa mill-Arċisqof Jean-Claude Hollerich, saret arċidjoċesi taħt is-superviżjoni tal-Vatikan fl-1988 mill-Papa Ġwanni Pawlu II. 
Skont fethim li ntlaħaq f’Jannar tal-2015 mal-Gvern Ċentru Xellugi immexxi minn Xavier Bettel, fi żmien 20 sena għandu jkun hemm separazzjoni sħiħa bejn l-Istat u l-Knisja u l-assoċjazzjonijiet reliġjużi se jkunu marbuta legalment li jżommu l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel.
Il-Gvern qed isostni li bil-lezzjonijiet dwar Il-Ħajja u s-Soċjetà se jkun assigurat li l-iskejjel isiru post tad-djalogu fejn tinbena l-koeżistenza u wieħed jitgħallem ir-rispett lejn l-oħrajn.