Il-Knisja fil-Korea t’Isfel tħeġġeġ biex ikompli d-djalogu mal-Korea ta’ Fuq

Il-Knisja Kattolika fil-Korea t'Isfel titlob u taħdem għall-paċi fil-peninsula Koreana

“Anke jekk il-laqgħa bejn il-mexxejja tal-Istati Uniti u l-Korea ta’ Fuq ma ħareġ minnha ebda ftehim, aħna nittamaw li d-djalogu bejn il-Korea ta’ Fuq u l-Korea t’Isfel u l-Istati Uniti, jerġa’ jkompli kemm jista’ jkun malajr biex inkomplu fit-triq lejn il-paċi”.  Din id-dikjarazzjoni għamilha Fr Matthia Young-Yup Hur, kelliem għall-Arċidjoċesi ta’ Seoul u Direttur tal-Uffiċċju tal-Komunikazzjoni Soċjali tad-djoċesi.

Is-saċerdot kien qed jitkellem mal-aġenzija FIDES u għamel riferenza għad-diskors tal-Kardinal Andrew Yeom Soo-Jung, Arċisqof ta’ Seoul u Amministratur Apostoliku tad-djoċesi ta’ Pyongyang, f’omelija ta’ quddiesa li saret fl-1 ta’ dan ix-xahar, biex tfakkar il-100 anniversarju tal-Moviment għall-Indipendenza tal-Korea t’Isfel.

F’dik il-quddiesa l-Kardinal kien qal li “Il-paċi hi l-aktar ħaġa importanti u delikata li aħna l-poplu tal-Korea għandna naraw li jkollna fil-peninsula tagħna. Imma biex verament intejjbu r-relazzjonijiet bejn il-Korea ta’ Fuq u t’Isfel u jkollna rikonċiljazzjoni ġenwina fost il-poplu Korean, l-ewwelnett irid ikollna integrazzjonisoċjali. Dan ifisser li l-popli tagħna jridu jkunu rikonċiljati, l-ewwel u qabel xejn fil-moħħ”.

Il-Knisja taħdem għall-paċi

Fr. Matthia kkonferma li “l-Knisja Koreana se taħdem għall-paċi u r-rikonċiljazzjoni għall-poplu Korean, u titlob bl-interċessjoni speċjali tal-Madonna tal-Paċi li hi l-patruna tad-djoċesi ta’ Pyongyang.”

Il-President tal-Korea t’Isfel, Moon Jae-in esprima l-fehma li l-Istati Uniti u l-Korea ta’ Fuq, minkejja l-falliment tas-summit bejn iż-żewġ Presidenti, għad jaqblu dwar it-twaqqif tal-armamenti nukleari. “Għalkemm it-tieni summit bejn iż-żewġ pajjiżi, kien wieħed diżappuntanti, serva bħala opportunità biex jikkonferma l-progress sinjifikanti li sar bid-djalogu bejn iż-żewġ pajjiżi”, qal il-President Moon filwaqt li ħeġġeġ liż-żewġ naħat “biex jaħdmu biex ikompli d-djalogu kemm jista’ jkun malajr u l-istaġnar fit-taħditiet ma jitwalx”.

Bħala sinjal ta’ nuqqas ta’ tensjoni, l-Istati Uniti u l-Korea t’Isfel, ħassru manuvri militari li kienu skedati li jsiru dan ix-xahar biex b’hekk jappoġġjaw sforzi diplomatici li qed isiru mal-Kora ta’ Fuq. Dawn l-eżerċizzji militari dejjem iġibu magħhom tensjoni kbira fil-Peninsula Koreana.