Il-Knisja fil-Korea dispjaċuta b’deċiżjoni tal-Qorti dwar l-abortSeoul

Il-Kardinal Yoem iwissi kontra l-Kultura tal-Mewt

Aktar kmieni dan ix-xahar il-Qorti Kostituzzjonali tal-Korea t’Isfel iddeċidiet li r-restrizzjonijiet li hemm fuq l-abort fil-liġijiet tal-pajjiż, imorru kontra l-Kostitutzzjoni u ordnat li dawn il-liġijiet jinbidlu sal-aħħar tas-sena d-dieħla.

Mexxej prominenti tal-Knisja Kattolika fil-pajjiż qal li hu nkwetat b’din id-deċiżjoni u qal li din se jkollha effetti negattivi fuq is-soċjetà tal-Korea t’Isfel.

Bi-deċiżjoni tagħha l-Qorti Kostituzzjonali neħħiet il-projbizzjoni ta’ ħafna mill-aborti li jsiru fil-pajjiż u li ilha fis-seħħ għal dawn l-aħħar 66 sena.  Id-deċiżjoni tal-Qorti Kostituzzjonali hi finali u ma tistax tkun appellata. Il-liġijiet attwali jibqgħu fis-seħħ sakemm ikunu mibdula jew imneħħija.

Dejjem nipproteġu kull ħajja  

“Pajjiż għandu r-responsabbiltà  li jassigura l-ħajja u s-sigurtà tal-poplu, taħt kull ċirkostanza. Kull ħajja, mill-mument tal-konċepiment għandha tkun protetta bħala persuna umana u mogħtija d-dinjità tagħha,” kiteb il-Kardinal Andrew Yeom Soo-junk fil-messaġġ tiegħu tal-Għid fejn enfasizza l-pożizzjoni tal-Knisja Kattolika, Favur il-Ħajja.

Fil-messaġġ li se jinqara fil-Knejjes tul il-Vġili tal-Għid, l-Arċisqof esprima t-tħassib tiegħu għas-sentenza tal-Qorti u qal li din se ddaħħal atmosfera fejn is-soċjetà Koreana tibda ma tagħtix każ tal-ħajja.

Filwaqt li xi organiżazzjonijiet tan-nisa u oħrajn mediċi laqgħu din id-deċiżjoni, ħafna gruppi nsara u komunitajiet reliġjużi, esprimew id-diżappunt u d-dispjaċir tagħhom

Sa mill-1953, fil-biċċa l-kbira tal-każi, l-abort kien projbiet fil-Korea t’Isfel għalkemm rari kien hemm kundanni mill-Qorti għall-ksur ta’ dawn il-liġijiet.  L-uniċi eċċezzjonijiet li jippermettu l-abort kienu meta dan isir fl-ewwel 24 ġimgħa tat-tqala għal raġunijiet mediċi jew għax ikun hemm periklu għas-saħħa tal-mara f’jew f’każi ta’ stupru.

Bil-liġijiet preżenti, mara tista’ teħel sa sena ħabs jekk tagħmel abort illegali u tabib jista’ jeħel sa’ sentejn ħabs jekk iwettaq abort mhux awtorizzat.

Il-Kardinal Yeom qal li “nazzjon għandu r-responsabbiltà li jipproteġi lajja u s-sigurtà tal-poplu tiegħu taħt kull ċirkostanza”.

Kontra l-Kultura tal-Mewt      

Il-Kardinal Yeom filwaqt li ħeġġeġ lill-leġislaturi biex jipprepraw b’mod għaqli l-emendi għal-liġi attwali, stieden lill-Kattoliċi biex ikunu l-ewwel li jagħżlu l-ħajja flok il-mewt. “Aħna l-poplu t’Alla, irridu nservu u nissagrifikaw favur il-ħajja b’mod konkret”, kiteb. “Fost ħafna ostakoli soċjali u diffikultajiet, aħna l-insara għandna nirrifjutaw b’mod assolut il-kultura u t-tentazzjoni tal-mewt”.

Fl-għeluq tal-messaġġ tiegħu tal-Għid, il-Kardinal tal-Korea t’Isfel kiteb: “Meta aħna nfusna nibdew nagħżlu u nirrispettaw kull ħajja kif inhi, żgur inkunu nistgħu nagħmlu l-esperjenza ta’ Kristu Rxoxt jgħix magħna”.

Fil-11 ta’ April, fi stqarrija separata, il-Konferenza Episkopali Koreana ukoll uriet id-dispjaċir tagħha għas-sentenza tal-Qorti u wiegħdet li se tkompli tiddefendi kull ħajja umana u tgħin lil nisa u koppji li jagħżlu li jżommu ‘l uliedhom flok jagħmlu abort.

L-Isqfijiet qalu li s-sentenza mhux biss iċċaħħad id-dritt bażiku għall-ħajja lill-fetu li mill-mument tal-konċepiment hu persuna umana b’dinjità u li mhux kapaċi jiddefendi lilu nnifsu, imma qed tieħu wkoll ir-responsabbiltà għal tqala mhux mixtieqa.

Huma enfasiżżaw it-tagħlim tal-Knisja Kattolika li l-abort hu dnub li joqtol ħajja innoċenti fil-ġuf u taħt ebda ċirkostanza ma hu ġustifikat. Sostnew li l-bibien tagħhom se jkunu dejjem miftuħa għal nisa li jsofru minn ġrieħi emozzjonali, fiżiċi jew spiritwali minħabba l-abort u li jkunu jinħtieġu rikonċiljazzjoni u fejqan.