Il-Knisja fil-Filippini se tibda tuża enerġija rinovabbli

Il-Konferenza Episkopali tal-Filippini li ddeċidiet favur l-użu ta' enerġija nadifa

L-Isqfijiet Kattoliċi fil-Filippini qablu li ma għandhomx jibqgħu jużaw sorsi ta’ enerġija li tħammeġ, bħalma huma power stations li jaħdmu bil-faħam.

Il-Konferenza Episkopali tal-Filipppini l-aħħar istituzzjoni Kattolika li ddeċidiet li ma tibqax tuża l-enerġija miż-żjut.  Din id-deċiżjoni ttieħdet ftit jiem ilu waqt laqgħa tal-Isqfijiet li saret f’Manila.

Fr. Edwin Gariguez, Segretarju Eżekuttiv ta’ Caritas fil-Filippini qal li d-djoċesi issa se tinvesti f’sorsi ta’ enerġija rinnovabbli.  Dan hu pass importanti ħafna għal Knisja li tippriedka favur l-ekoloġija.

Kampanja favur il-“Laudato Si”

Din id-deċiżjoni hi waħda minn għaxar punti ta’ azzjoni fil-kampanja tal-Knisja fil-Filippini favur l-enċiklika Laudato Si.

L-aġenzija tal-aħbarijiet ZENIT qalet li l-Vatikan kien staqsa x’qed tagħmel il-Knisja fil-Filippini biex timxi mal-Enċiklika tant importanti dwar l-ambjent.

“Jien għidt lill-Isqfijiet li kien hemm bżonn joħorġu Ittra Pastorali dwar is-suġġett li tird tkun akkumpanjata minn azzjoni għax irridu nwettqu dak li ngħidu”, qal Fr. Gariguez. “Sfidajthom biex insibu mezz kif ngħixu il-Laudato Si bħala Knisja”.

Minħabba xi problemi legali il-qalba għal enerġija nadifa tista’ ddum xi ftit biex issir. Dan barra li hemm xi djoċesijiet fil-pajjiż li għandhom investimenti fil-faħam li diġa’ ddikjaraw li se jeħilsu minn dawn l-investimenti biex  l-Isqfijiet ikunu jistgħu jieħdu azzjoni kollettiva favur l-ambjent.

Proposti konkreti favur l-ambjent

L-isqof Gerardo Alminaza ta’ San Carlos sostna li l-flus tal-Knisja m’għandhomx ikunu investiti bi ħsara għall-ambjent.  Minħabba l-emerġenza tal-bdil fil-klima hemm bżonn li ssir xi ħaġa b’mod urġenti.  Qal li l-Konferenza Episkopali dalwaqt se toħroġ Pastorali dwar l-ekoloġija bi proposti konkreti ta’ pjan ta’ azzjoni favur l-ambjent.

Il-Konferenza Episkopali tal-Filippini hi l-aħħar Konferenza li ħadet deċiżjoni simili wara l-Konferenzi Episkopali tal-Belġju, l-Irlanda u l-Awstralja.  Fl-aħħar xhur aktar minn 120 istituzzjoni Kattolika waqfu jinvestu f’kumpanniji li jipproduċu sorsi ta’ enerġija li tħammeġ.