Il-Knisja fil-Brażil kritika għall-President Temer

Il-korruzjoni, il-qgħad u t-tnaqqir ta’ protezzjonijiet soċjali u ambjentali  kienu kritikati bil-kbir mill-Knisja Kattolika fil-Brażil.  Dawn huma frott tal-politika li miexi biha l-President il-ġdid tal-pajjiż, Michel Temer li f’Awwissu tas-sena li għaddiet ħa post il-President Dilma Rousseff.
Fl-1 ta’ dan ix-xahar, l-Isqfijiet responsabbli mill-politika soċjali tal-Konferenza Episkopali Braziljana qal li “Qgħad kolossali, it-tkissir tal-ordni demokratiku u t-tneħħija ta’ liġijiet soċjali u oħrajn favur ix-xogħol qed jgħajtu lejn il-ġenna.
“Il-Gvern”, qalu l-Isqfijiet, “flok isaħħaħ ir-rwol tal-Istat biex jilqa’ għall-ħtiġijiet u d-drittijiet tal-fqar fis-soċjeta’, qed jiffavorixxi l-interessi tal-kapitalisti u jippenalizza lill-fqar, fosthom bir-riforma tal-liġijiet tal-pensjonijiet bażata fuq argumenti foloz”
Il-ġimgħa li għaddiet, il-Ġiżwiti fil-Brazil urew it-tħassib tagħhom għall-mod  kif il-klassi dominanti qed jiffaċċjaw il-kriżi ekonomika, soċjali u politika li qed tmarrad lill-pajjiż. Il-korruzzjoni u taħlit ta’ interessi pubbliċi ma’ dawk privati fl-organi tal-Istat qed jiskandalizzaw lill-maġġoranza tal-poplu Braziljan u fl-istess waqt qed ineżżgħu lill-Gvern u lill-Parlament mil-leġittimita’ tagħhom. Żiedu jakkużaw li anqas il-ġudikatura ma għadha imparzjali.
Huma kkritikaw fost affarijiet oħra l-inugwaljanza li dejjem qed tikber. “Ħafna nies li kienu ħarġu mill-faqar qed jerġgħu jkunu mkaxkra fih u saru dipendenti”.  Ikkundannaw ukoll liġi li taċċetta l-akkwist illegali tal-art u dgħajfet il-protezzjoni kostituzzjonali tad-drittijiet tal-poplu indiġenu fuq l-artijiet.
Il-korruzzjoni fil-pajjiż wasslet  biex ix-xahar li għadda, ex President Braziljan, Inacio Lula instab ħati li aċċetta rigali minn kumpannija tal-kostruzzjoni biex jagħti jagħtiha kuntratti konnessi mal-kumpannija statali Petrobas li tinegozja fiż-żjut.
Fit-3 ta’ dan ix-xahar il-President Temer irenxxielu jegħleb  vot fil-Parlament biex hekk evita li jkun investigat dwar allegazzjonijiet ta’ korruzzjoni quddiem il-Qorti Suprema.  It-Teologu Leondardo Boff ikkummenta li “Il-Palazz Presidenzjali inbidel f’għar ta Ali Baba minn fejn titqassam iċ-ċejċa, għotjiet ta’ miljuni u pjaċiri oħra biex jinxtraw il-voti”.