Il-Knisja fil-Bangladesh mal-Insara fi Sri Lanka

Insara f'Bangladesh jitolbu għal ħuthom fi Sri Lanka

“Nassigurawkom li aħna magħquda magħkom fit-tbatija, l-uġiegħ u d-diffikultajiet li qed tiffaċċjaw. Nitolbu għal dawk kollha li tilfu ħajjithom, il-feruti u l-familji tal-vittmi”, kiteb il-Kardinal Patrick D’Rozario ta’ Dacca, f’nota li bagħat għan-nom tal-Konferenza Episkopali tal-Bangladesh, lill-Isqof Winston S. Fernando ta’ Badulla, President tal-Konferenza tal-Isqfijiet ta’ Sri Lanka.

Fin-nota, kif rappurtata l-ġimgħa li għaddiet mill-aġenzija FIDES, il-Knisja fil-Bangldesh esprimiet solidarjetà sinċiera mal-popolazzjoni kollha ta’ Sri Lanka, mal-Knisja Kattolika f’dak il-pajjiż u mal-vittmi kollha tal-attakk traġiku ta’ Ħadd il-Għid.

Vjolenza inumana

Il-Kardinal D’Rozario qal “Il-Komunità Kattolika kollha f’Bangladesh hi maħsuda u jiddispjaċiha għat-telf ta’ tant ħajjiet. M’għandniex kliem biex nesprimu s-sentimenti tagħna. Nitolbu wkoll għall-konversjoni ta’ dawk li wettqu din il-vjolenza inumana kollha li hi attakk fuq il-paċi kemm fuq livell lokali kif ukoll fuq livell globali.  Għal darb’oħra, f’dawn il-mumenti diffiċli nassigurawkom mill-appoġġ u s-solidarjetà tagħna u mit-talb tagħna. Jalla r-rigal tal-Għid isaltan madwar id-dinja”.

Anke l-mexxejja Kristjani Portestanti tal-Bangladesh esprimew solidarjetà mal-Knisja fi Sri Lanka. Ir-Reverenda Martha Das, Segretarju tal-Forum Magħqud tal-Knejjes ta’ Bangladesh bagħtet messaġġ fejn qalet li “Aħna mnikkta bkl-attakk fuq l-insara fi Sri Lanka waqt il-quddiesa tal-Għid.  Nikkundannaw bil-qawwa kollha dan il-qtil inuman.

Massakri li jkissru l-paċi

“Bħala segwaċi ta’ Kristu aħna niddeploraw dawn il-massakkri li jkissru l-paċi u nġeddu l-appoġġ tagħna għall-paċi, l-armonija u t-tolleranza. Kull reliġjon tinkoraġixxi l-proċess għall-paċi. Ejjew nagħtu eżempju għall-ġenerazzjonijiet li ġejjin billi nikkontribwixxu għall-paċi, l-armonija, l-imħabba u n-nuqqas ta’ vjolenza”.

Wara l-attakki fi Sri Lanka il-Knejjes fil-Bangladesh huma fi stat ta’ allerta.  Il-knejjes u bini reliġjuż huma mgħassa mill-pulizija u minn gruppi ta’ voluntiera Kattoliċi.