Il-Knisja fi Franza tappella għall-kawtela fejn tidħol it-tqala bi prokura

Il-Knisja Kattolika fi Franza, ħeġġet lill-President Franiċiż Emmanuel Macron biex jimxi b’kawtela wara li l-Bord tal-Etika tal-pajjiż approva l-prokreazzjoni assistita medikament għan-nisa kollha filwaqt li l-Qorti tal-Appell Franċiża aċċettat li tfal imwielda barra l-pajjiż minn ommijiet bi prokura, (surroga), ikunu adottati minn “missirijiet” Franċiżi li kkummissjonaw it-tqala.
Il-mira tal-prokreazzjoni assistita medikament hi li tgħin koppji meqjusa bħala infertili u inkurabbli, biex ikollhom tfal li jistgħu jsejjħu tagħhom.
L-Arċisqof Pierre d’Ornellas, ta’ Rennes, kelliem dwar l-etika għall-Konferenza Episkopali Franċiża qal li dwar il-prokreazzjoni assistita, l-Gvern ma għandux jieħu deċiżjonijiet mgħaġġla li joħolqu firda u jkebbsu l-passjoni. Sal-lum il-prokreazzjoni assistita kienet riservata biss għal koppji eterosesswali infertili li jkunu miżżewġa.
L-Isqof innota li 11 mill-40 membru tal-Kumitat Konsultattiv Nazzjonali dwar l-Etika argumentaw kontra li jsir xi tibdil fil-liġi eżistenti.  “Ejja nieħdu żmien biex nirriflettu u niddibattitu”, kiteb l-Arċisqof f’artiklu pubblikt fil-gazzetta influwenti “Le Monde”.  Hu sostna li d-drittijiet tat-trabi involuti għandhom jingħataw prijorita.
Il-Konferenza Episkopali qalet li r-reviżjoni li hemm ippjanat li ssir is-sena d-dieħla għal-Liġi tal-Bioetika għandha sservi bħala okkażżjoni biex ikun hemm dibattitu soċjali wiesa’. L-Isqfijiet laqgħu l-fatt li l-Kumitat Konsultattiv dwar l-Etika tkellem kontra s-surrogazzjoni iżda wrew tħassib li jitwessa’ l-aċċess għall-prokreazzjoni assistita għax dan jista’ jwassal għall-maternita’ bi prokura (surrogata). Konsegwenza ta’ dan jista’ jkun li koppji tal-istess sess ikollhom tfal billi jiftehmu u jagħmlu prokura lil xi mara biex twelldilhom tarbija.
Monsinjur Oliver Ribadeau Dumas, kelliem għall-Konferenza Episkoplai Franċiża qal li “għalkemm hemm differenza bejn il-prokreazzjoni assistita u s-surrogazzjoni, ma setax jara kif wieħed fil-futur ikun jista’ jiġġustifika l-fatt li żewġ nisa jista’ jkollhom tarbija iżda żewġ irġiel le”.
Sal-lum lesbjani Franċiżi jew nisa eterosesswali li huma ‘single’ li jridu inseminazzjoni artifiċjali, ikollhom imorru f’pajjiżi bħal Belġju jew Spanja biex jagħmlu din il-proċedura għax fi Franza m’hix legali.