Il-Knisja f’ħidma kontra t-traffikar uman

Il-Kardinal Nicholas Vincent kien mistieden jindirizza l-Parlament tal-Litwanja u jiltaqa’ mal-Prim Ministru tal-pajjiż, Saulius Skvemelis biex isaħħaħ ir-rabtiet ma’ dan il-pajjiż u jħeġġu jimpenja lilu nnifsu aktar fil-ġlieda kontra t-traffikar tal-persuni. Matul din iż-żjara il-Kardinal kien akkumpanjat minn Kevin Hyland, Kummissarju kontra l-iskjavitu.
Il-Kardinal spjega għaliex il-Knisja Kattolika hi impenjata biex tieqaf l-iskjavitu u t-traffikar uman. Dan ġej mir-rispett li għandha lejn id-dinjita’ ta’ kull persuna, liema dinjita’ għandha tkun protetta u proklamata f’kull ċirkosanza u f’kull żmien. Din id-dinjita’ ma tiddependix mill-ħila jew l-istatus tal-individwu imma għandha l-għeruq tagħha fl-eżistenza tall-bniedem, ir-rigal tal-ħajja li jiġi biss mill-Ħallieq li hu Missierna li jħobbna.
“It-traffikar uman u l-iskjavitu’ ineżżgħu lill-persuna minn din id-dinjita’ fundamentali u jirrendu lill-bniedem oġġett. Illum hawn madwar 20 miljun persuna jgħixu fi skjavitu moderna u dan hu ta’ mistħija kbira għall-familja umana.
II-Kardinal Vincent faħħar ix-xogħol straordinarju li qed jagħmel il-Kummissarju Hyland biex it-traffiku uman jitpoġġa bħala waħda mill-miri tal-Iżvilupp Sostenibbli tan-Nazzjonijiet Uniti biex allura kull pajjiż membru tan-NU ikun marbut li jaħdem biex jinqered dan it-traffikar ta’ persuni.
Din il-ħidma titlob li kull vittma tat-traffikar titpoġġa fiċ-ċentru ta’ kull sforz li jsir; li titjieb il-ħidma biex tkun infurzata l-liġi, li jitfarrku l-gruppi kriminali li jorganizzaw dan it-traffiku uman u li jinqabdu u jkunu proċessati dawk li hemm wara din l-attivita’ kriminali.
Il-Kardinal Vincent sostna li din il-ħidma tiddependi fuq il-fiduċja. Din il-fiduċja tieħu ż-żmien biex tinbena, imma darba lit kun stabbilita’, tgħin lill-forzi tal-ordni u lill-Knisja biex jaħdmu flimkien kontra din il-pjaga. Flimkien nistgħu nagħtu kontribut kbir għall-ġid komuni.
Il-Kardinal, imexxi grupp bl-isem ta’ “Santa Marta” li jaħdem mal-pulizija lokali u dik tal-fruntieri, mad-Dwana u mal-forzi tas-sigurta’ biex tinġabar informazzjoni dwar it-traffikar tal-persuni.  Il-grupp joffri wkoll għajnuna pastorali lill-vittmi u joffrulhom għajnuna ta’ tobba, avukati u ħaddiema soċjali biex jintegraw lura fis-soċjeta’.