Il-Knisja f’El Salvador tħabbar is-Sena tal-Ġublew tal-Martri

San Oscar Romero

“Il-Martirju hu l-akbar xiehda tal-fidi għax jirriproduċi lil Kristu li ta ħajtu biex oħrajn jista’ jkollhom ħajja bl-abbundanza”. Din l-istqarrija hi enfasizzata fil-messaġġ tal-Konferenza Episkopali ta’ El Salvador bi preparazzjoni għas-Sena tal-Ġublew tal-Martri li se tku ċelebrata fl-okkażjoni tal-40 anniversarju mil-martirju ta’ San Oscat Arnulfo Romero.

L-aġenzija tal-aħbarijiet FIDES qalet li fil-messaġġ tal-Isqfijiet tħabbru d-dati meta se jkunu ċelebrati u mfakkra l-martri nazzjonali ta El Slavador.

12 ta’ Marzu – 43 anniversarju mill-martirju ta’ Fr. Rutillo Grande;

24 ta’ Marzu – 40 anniversarju mill-martirju ta’ San Oscat Arnulfo Romero; u

14 ta’ Ġunju – 40 anniversarju mill-martirju ta’ Fr. Cosme Spessotto.

Tħabbar ukoll li bejn il-31 ta’ Lulju u t-2 ta’ Awwissu se jsir pellegrinaġġ kbir għal Cuidad Barrios, il-post fejn twieled San Oscat Romero u f’dik l-okkażżjoni jsir il-Kungress Nazzjonali dwar il-Martri.

Rikonċiljazzjoni nazzjonali

“Il-martri taw ħajjithom u jakkumpanjawn fil-pellegrinaġġ tal-fidi tagħna.  Irridu nisimgħu leħinhom u fl-istess waqt irridu nkunu l-eku tal-vuċi tagħhom. Għalhekk, bir-rispett qed nitolbu lill-Assemblea Parlamentari biex tippromulga ‘Liġi ta’ Rikonċiljazzjoni Nazzjonali’ awtentika, biex issir ġustizzja mal-vittmi, issir magħrufa l-verità u jingħata kumpens xieraq”, qalu l-Isqfijiet fil-messaġġ tagħhom.

Fit-talba tagħhom biex issir ġustizzja mal-poplu, l-Isqfijiet talbu wkoll biex ikun “Sistema ġdida ta’ għajnuna lill-pensjonanti u tkun approvata b’mod definittiv il-Liġi dwar l-Ilma li tassigura d-dritt lil kul ċittadin Salvadoren id-dritt li jkollu aċċess għal ilma tajjeb għax-xorb.

“L-ilma hu ġid komuni u għalhekk għandu jkun amministrat biss mill-Istat”, qalu l-Isqfijiet filwaqt li stiednu l-poplu “biex jagħmel użu mid-dritt tiegħu għall-parteċipazzjoni demokratika u jsemma’ leħnu fuq il-media soċjali u jibgħat messaġġi lid-deputati parlamentari u jitolbuhom biex skont il-mandat kostituzzjonali tagħhom, jgħaddu liġijiet dwar dawn il-punti, favur il-poplu li eleġġihom u b’difiża għad-drittijiet tal-foqra”.

Fl-aħħarnett, l-Isqfijiet ta’ El Salvador esprimew is-solidarjetà sħiħa tagħhom mal-emigranti u appellaw biex ikunu rispettati d-drittijiet tagħhom.