Il-Knisja f’Malta tiċċelebra l-Ħajja Kkonsagrata

Fiż-żewġ djoċesijiet ta’ Malta u Għawdex, hawn 1,574 persuna li jgħixu ħajja kkonsagrata, iġifieri membri tal-ordinijiet u l-kongregazzjonijiet reliġjużi. 
1,073 huma nisa waqt li hemm 501 raġel ikkonsagrat. 
Biex titfakkar din il-vokazzjoni, nhar it-Tnejn li ġej 2 ta’ Frar, se tiġi ċċelebrata quddiesa fis-Santwarju ta’ Santa Tereża f’Birkirkara ppreseduta mill-Amministratur Appostoliku, l-Isqof Charles Scicluna. 
Tul iċ-ċelebrazzjoni li se jkun hemm qsim ta’ esperjenzi minn membri tal-ħajja kkonsagrata, messaġġ mill-Isqof Scicluna, u mument ta’ talb quddiem Ġesù Ewkaristija. 
Il-quddiesa se tibda fis-6.30 ta' filgħaxija u hi organizzata mill-Konferenza tas-Superjuri Maġġuri Reliġjużi (KSMR). 
Iċ-ċelebrazzjoni ta’ din is-sena għandha tifsira speċjali għaliex il-Papa Franġisku għażel li l-2015 tkun iddedikata għall-Ħajja Kkonsagrata, bil-għan li titqajjem kuxjenza propju dwar il-valur tal-ħajja kkonsagrata.