“Il-Knisja f’Malta hija Knisja tar-ritwali vojta u bla sens” – L-Isqof Grech

L-Isqof t’Għawdex, Mario Grech, qal li jħoss li l-Knisja f’Malta mhix daqshekk entużjasta biex ixxandar lil Kristu, għax hija Knisja tar-ritwali vojta u bla sens li saru bħal għoqda li ma tistax tinħall.
Huwa qal dan il-kliem waqt l-omelija fl-okkażjoni tal-Madonna tas-Sokkors, iċċelebrata f’Ta’ Kerċem.
Huwa beda billi semma bosta eżempji ta’ għoqiedi fil-ħajja tal-bniedem, liema għoqiedi kultant nitħabblu aktar fihom meta nippruvaw inħolluhom mingħajr l-għajnuna t’Alla.
Semma l-għoqod tal-kuxjenza u dawk fir-relazzjoni tal-bniedem ma’ Alla.
Dwar il-kuxjenza, Mons. Grech qal li din tant hija sagra li kultant lill-bniedem tamarlu ma jobdix ċerti liġijiet. Sostna li meta wieħed ma jimxix mal-liġi pożittiva ta’ Alla, dik id-diżubbidjenza ma ġġib ebda responsabbiltà morali.
Dwar l-għoqod fir-relazzjoni ma’ Alla, Mons. Grech kompla jgħid li hawn min għandu diffikultà jaċċetta l-Vanġelu kollu kemm hu. Qal li min għandu l-fidi, il-Ministeru tal-Knisja u tal-Isqof huma xi ħaġa serja, għall-oħrajn il-Knisja ssir NGO u l-Isqof il-Kap Eżekuttiv.
L-Isqof temm jgħid li l-isfidi tal-għoqiedi għall-Knisja huma kbar, iżda dan jagħmel iż-żmien li qegħdin fih wieħed sabiħ.