Il-Knisja bi rwol importanti għat-tisħiħ tal-moralità pubblika – Bartolo

Luke Zerafa

Il-Ministru Evarist Bartolo sostna li l-Knisja Kattolika għandha rwol importanti għat-tisħiħ tal-moralità pubblika.

Dan qalu fil-messaġġ tal-jum tiegħu fuq Facebook. Hu sostna li jemmen li persuna tista’ tirnexxi u timxi sew, tagħmel it-tajjeb u l-ġid, mingħajr ma tfalli moralment. Insista li hemm bżonn tiġdid u qawmien morali fil-pajjiż biex ir-regħba ma titħalliex tmexxi.

Hu insista li ma jippretendix li l-poplu jkun qaddis perfett miexi fuq l-art. Qal li l-bnedmin huma mimlijin nuqqasijiet, inkluż hu stess. Qal iżda li jemmen li hemm fejn “inġibu ruħna aħjar”. Spjega li l-kriżi fil-pajjiż tista’ tinbidel f’opportunità sabiex wieħed jirrifletti kif għandha tissaħħaħ il-moralità pubblika fil-pajjiż u kif għandha tissaħħaħ l-imġieba etika.

Bartolo kompla jgħid li meta tliet snin ilu nkixfu l-kontijiet tal-Panama, fil-Parlament kien qal li hemm bżonn it-tisħiħ tal-moralità fil-ħajja pubblika. Qal li anke l-Knisja Kattolika għandha tħossa reponsabbli fuq kif il-pajjiż iġib ruħu. Kien qal li hu diżappuntat li fi żmien meta l-Knisja għandha l-vantaġġ li għandha l-Papa Franġisku, li għandu kuraġġ jitkellem fuq ħafna affarijiet soċjali fosthom il-korruzzjoni u l-mod ta’ kif il-ħbiberiji fin-negozju u fil-politika jġibu problem serji u passi immorali, f’Malta sostna li rari tisma’ qassisin jitkellmu fuq id-dnub soċjali.

Sostna li l-qassisin jitkellmu fuq id-dnub fil-ħajja privata tal-poplu, imma fuq il-fatt ta’ kif wieħed iġib ruħu fil-pubbliku, jiġifieri fil-politika u fin-negozju, il-Knisja hija assenti. Sostna li hu mhux bniedem li jħaffer l-għatba tal-knejjes, imma jemmen li l-Knisja għandha rwol importanti ħafna u sservi bħala ħmira morali fis-soċjetà.

Dan il-messaġġ ta’ Bartolo ġie propju wara li lbieraħ il-Kap tal-Oppożizzjoni ppubblika r-rapport dwar l-inkjesta Egrant b’mod sħiħ.