Il-Knisja bħal Marija: hi mara u omm

mother_of_the_church

“Il-Knisja hi mara, hi omm”. Meta tonqsilha din il-karatteristika tiġi tixbaħ organizzazzjoni tal-karità jew tim tal-futbol. Meta ssir maskili, issir Knisja ta’ rġiel anzjani, ma tkunx kapaċi tħobb u tagħti l-frott.
Din ir-riflessjoni għamilha l-Papa Franġisku fl-omelija tal-festa tal-Madonna Omm il-Knisja li kienet iċċelebrata uffiċjalment nhar it-Tnejn li għadda għall-ewwel darba. Il-Papa stess kien ordna li din il-festa tkun iċċelebrata l-għada ta’ Pentekoste biex jinkoraġġixxi l-iżvilupp tas-sens matern tal-Knisja fis-saċerdoti, reliġjużi u l-fidili u t-tkabbir tal-kult Marjan
Fl-Omelija tiegħu l-Papa qal li fl-Evanġelju, Marija hi dejjem deskritta bħala “L-Omm ta’ Ġesu’” flok ‘Is-Sinjura’ jew ‘l-armla ta’ Ġużeppi’. Il-maternità tagħha hi enfasizzata fil-Vanġelu kollu, tibda mit-Tħabbira tal-Anġlu.  Din il-kwalità ta’ Marija mill-ewwel kienet innutata mill-Missirijiet tal-Knisja. Din il-kwalità tapplika wkoll għalll-Knisja.
Hi biss Knisja femminili li tista’ tagħti l-frott skont l-intenzjoni ta’ Alla li għażel li ibnu jitwieled minn mara biex jurina t-triq tal-mara. Importanti li l-Knisja hi mara u tieħu l-atteġġjament ta’ omm. Jekk ninsew dan issir Knisja maskili. Mingħajr din id-dimensjoni l-Knisja ssir Knisja ta’ rġiel adulti li jgħixu f’iżolament, mhux kapaċi jħobbu u mhux kapaċi jkollhom tfal. Mingħajr in-nisa l-Knisja ma timxix ‘il qudiem għax hi mara. U dan l-atteġġjament femminili ġej minn Marija għax Alla hekk ried.
Il-virtù ewlenija li tiddistingwi l-mara, qal il-Papa, hi l-ħlewwa tagħha, bħal ħlewwa ta’ Marija ‘meta welldet lill-ewwel tifel tagħha, geżwritu fi ftit ċraret u poġġietu f’maxtura”. Hi ħadet ħsiebu, b’imħabba u umiltà li huma l-virtujiet kbar tal-ommijiet.