Il-Knisja fi Franza tiċħad il-politika ta’ Le Pen

L-Arċisqof ta’ Marsilja, fi Franza, li hu wkoll il-President tal-Konferenza Episkopali Franċiża, ċaħad mingħajr anqas  biss semma ismu, il-Front Nazzjonali ta’ Marine Le Pen, li bħalissa jinsab fuq quddiem fl-istħarriġ tal-opinjoni pubblika għall-ewwel round tal-elezzjonijiet Franċizi li se jsiru fit-23 ta’ dan ix-xahar.
Il-popolarita’ ta’ dan il-grupp li għandu politika kontra l-imigrazzjoni, kontra l-Ewropa u kontra l-Musulmani – liema politika hi kontra l-veduti tal-Knisja Kattolika – iddominat id-diskussjoni fil-laqgħa regolari li l-Isqof Georges Pontier jagħmel f’Lourdes kull sena.
L-Arċisqof qal li hi illużjoni li wieħed jaħseb li jista’ jkun hemm future aħjar jekk kulħadd jaħseb fih biss u ma jurix solidarjeta’ mal-imigranti, refuġjati u oħrajn. Iċ-ċittadini kristjani jridu jkunu ġenerużi. Is-soċjeta’ Franċiża hi xettika biex taċċetta li r-reliġjon Musulmana ikollha post fi ħdanha imma l-verita’ hi li hu biss id-djalogu li jista’ jwassal biex insiru nafu lil xulxin u jkollna rispett reċiproku.
Il-kampanja elettorali fi Franza ħarġet fil-beraħ il-qasma bejn l-eletturi kattoliċi.  Filwaqt li ħafna jaqblu mal-Arċisqof Pontier hemm numru kbir ta’ Kattoliċi li qed jersqu lejn Le Pen li min-naħa tagħha qed tinsisti fuq l-għeruq Kristjani ta’ Franza u tinsisti fuq id-drittijiet tal-insara fil-Lvant Nofsani.
Il-Kattoliċi Franċiżi f’mumenti bħal dawn ikunu għatxana li jisimgħu wkoll il-parir tal-Kardinal Andre Vingt-Trois li għandu 74 sena iżda sfortunatament il-ġimgħa li għaddiet it-tobba sabu li qed ibati minn kundizzjoni rari li d-dgħajjef ħafna il-muskoli u li l-fejqan minnha jista’ jieħu żmien twil u għalhekk jinsab irtirat.