Il-Knejjes Kanadiżi jieħdu lill-Gvern il-Qorti dwar il-Patt li għamel mal-Amerika fejn jidħlu r-Refuġjati

Il-knejjes ewelnin fil-Kanada, il-Kunsill Kanadiż għar-Refuġjati u Amnesty International Canada fetħu kawża fil-Qorti kontra l-Gvern Kanadiż bit-tama li jwaqqgħu ftehim li kien sar 13-il sena ilu mal-Istati Uniti dwar it-trattament lir-Refuġati.
Il-Knejjes u l-imsemmija organizazjonijiet qed isostnu li l-Kanada ma tistax toqgħod fuq l-oġġettivita tas-sistema Amerikana biex tagħti jew tiċħad ażil lil refuġjati potenzjali. Dan il-Ftehim li ilu fis-seħħ mill-2004 jisforza lir-refuġjati biex jitolbu ażil fl-ewwel pajjiż sigur li jaslu fih.  Ħlief għal ftit eċċezzjonijiet, refuġjati li jaslu fil-fruntiera tal-Kanada mal-Istati Uniti jintbagħtu lura għax jgħidulhom li jridu japplikaw għal status ta’ refuġjati fl-Istati Uniti għax inkella ma jistgħux ifittxu ażil fil-Kanada.
“Hu moralment u legalment żbaljat li tibgħat lil min jagħmel talba għall-ażil, lura lejn l-Istati Uniti meta nafu li hemm jistgħu jiffaċċjaw ksur serju tad-drittijiet bażiċi tagħhom”, sostna Lory Rico, President tal-Kunsill Kanadiż tar-Refuġjati.
Il-Kunsill tal-Knejjes Kanadiżi – li jinkludi l-Konferenza Episkopali Kanadiża diġa’ kien rebaħ kawża simili biex iwaqqa’ dak li kien magħruf bħala ”Safe Third Country Agreement”, fl-2008. Iżda dik id-deċiżjoni kienet  inbidlet  fl-appell, mhux minħabba s-sustanza tal-każ imma fuq problema jekk min fetaħ il-kawża kellux dritt jagħmilha.
Iżda din id-darba l-kawża qed issir f’isem mara minn El Salvador li ħarbet lejn l-Istati Uniti wara li kien ilha  għaxar snin persegwitata minn gang li jxerred id-droga u li wasal biex heddidha b’ħajjitha.  L-Avukati tagħha qed isostnu li ma tistax tingħata smiegħ xieraq fl-Istati Uniti imma għandha raġuni tajba biex taħseb li tista’ tingħata l-ażil fil-Kanada.
“Hu imperattiv li kull min ifittex refuġju fil-Kanada ikollu l-protezzjjoni garantita mill-Kostituzzjoni Kanadiża u mit-trattati internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem”, qal ir-Reverendu Karen Hamilton, Segretarju tal-Kunsill tal-Knejjes Kanadiżi.
Il-Knejjes Kanadiżi qed isostnu li l-mod kif l-Amerika qed titratta mar-refuġjati hu diskriminatorju tant li l-Qrati Amerikanai stess qalu li d-detenzjoni arbitrarja hi maħsuba li ċċaħħad lir-refuġjati l-aċċess għall-Qrati tal-Imigrazzjoni  u li l-kundizzjonijiet għal refuġjati li jagħmlu talbiet għall-ażil fl-Istati Uniti ħżienu ħafna taħt l-amministrazzjoni ta’ Donald Trump.