Il-Knejjes jiftħu l-bibien tagħhom għall-Quddies mil-lejla

Knisja.mt/ritratti

Read in English.

Il-Knejjes se jkunu qed jerġgħu jiftħu l-bibien tagħhom mil-lejla biex jilqgħu lill-pubbliku għall-Quddiesa.

Fl-1 ta’ Ġunju, id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne kien ħabbar li l-pubbliku kien se jkun jista’ jmur jisma’ l-Quddies fi Knejjes minn nofs Ġunju. Mit-22 ta’ Mejju, kienu bdew isiru l-funerali f’diversi knejjes u anki f’postijiet fuq barra.

Minħabba l-imxija tal-coronavirus, il-funzjonijiet reliġjużi kollha twaqqfu fit-12 ta’ Marzu li għadda. F’dawn l-aħħar xahrejn, il-quddies ixxandar kuljum fuq it-televixin u online.

Fi tmiem laqgħa tal‑Konferenza Episkopali Maltija, li saret it‑Tlieta 2 ta’ Ġunju, l‑Arċisqof Charles Scicluna ħabbar li mis‑Sibt‑13 ta’ Ġunju filgħaxija u l‑Ħadd 14 ta’ Ġunju, festa ta’ Corpus Christi (Solennità tal‑Ġisem u d‑Demm Għażiż tal‑Mulej), se terġa’ tibda tiġi ċċelebrata l‑Quddies bil‑preżenza tal‑pubbliku, fil‑knejjes f’Malta u Għawdex. Din id‑deċiżjoni tal‑Isqfijiet ittieħdet b’konsultazzoni mal‑Awtoritajiet tas‑Saħħa.

Il-Kurja għamlet diversi laqgħat mal‑kappillani u mal‑voluntiera li jgħinu fil‑knejjes biex ikunu mħarrġa fuq il‑miżuri ta’ prekawzjoni li jridu jittieħdu fil‑postijiet fejn se tkun qed tiġi ċċelebrata l‑Ewkaristija. Id‑direttivi tal‑Isqfijiet li kienu ppubblikati fuq il‑website tal‑Arċidjocesi ta’ Malta knisja.mt jistabilixxu l‑proċeduri li jridu jiġu osservati qabel, waqt u wara l‑Quddiesa.

Il‑prinċipji li fuqhom huma bbażati dawn id‑direttivi rigward il‑miżuri ta’ prevenzjoni huma d‑distanza soċjali tal‑kongregazzjoni, l‑użu ta’ visor jew maskra, u s‑sanitizzazzjoni. Biex jiġu rispettati dawn il‑miżuri f’kull knisja kien stipulat l‑ammont massimu ta’ nies li jistgħu jattendu għall‑Quddies, kemm jekk din issir fil‑knisja u kemm jekk issir fil‑miftuħ. Dan in‑numru huwa bbażat fuq il‑kobor ta’ kull knisja.

Numru ta’ parroċċi qed jimplimentaw ukoll sistema ta’ booking online li ġiet żviluppata mill-Kurja tal-Arċisqof, u li permezz tagħha numru limitat ta’ postijiet fil-knisja jistgħu jiġu riżervati permezz ta’ din il-formola online. Is-sistema hija aċċessibbli fuq l-istess website mal-lista ta’ ħinijiet tal-Quddies.

Fi stqarrija, l-Arċikonfraternita ta’ San Ġużepp spjegat il-ħinijiet tal-Quddies fil-Knisja Santa Marija ta’ Ġesù (Ta’ Ġieżu) u tal-Patrijiet Franġiskani fir-Rabat 

  • Mit-Tnejn sal-Ġimgħa: 6.30am, 7.30am, 6.00pm
  • Is-Sibt: 6.30am, 7.30am, 6.00pm, 7.00pm
  • Il-Ħadd: 7.15am, 8.30am, 9.45am, 11.00am