Il-Knejjes fil-Ġermanja jwissu kontra r-razziżmu

Nies ipoġġu fjuri u xema fil-post fejn raġel ta’ 22 sena nqatel f’argument bejn żewġ gruppi ta’ persuni

Fil-lejl bejn it-8 u d-9 ta’ dan ix-xahar, żagħżugħ Ġermaniż inqatel waqt ġlieda li nqalgħet f’Kothen, fil-Lvant tal-pajjiż. Żewġ żgħażagħ Afghani kienu arrestati. Il-Knejjes fil-Ġermanja, kif ukoll il-mexxejja politiċi, tkellmu biex tkun evitata l-vjolenza. Ħmistax ilu kien hemm inċidenti vjolenti oħra f’Chemnitz.

“Li wieħed jaħtaf din l-okkażjoni biex iħeġġeġ ir-rabja u l-mibegħda kontra l-barranin jew dawk li jaħsbuha differenti minna, jew li tintuża l-vjolenza kontrihom, hu ta’ min jikkundannah,” qal l-Isof Gerhard Feige, fi stqarrija li ntbagħtet lill-midja soċjali.

“Stat immexxi mis-Saltna tal-Liġi għandu jsib mezz biex jipprevjeni jew almenu jnaqqas l-aggressjoni u jippromwovi l-integrazzjoni u jagħmel trasformazzjoni soċjali paċifika. Din hi responsabbiltà tagħna lkoll. Hemm bżonn ta’ kawtela u dixxerniment. Ejja ma ngħixux u ma nagħmlux affarijiet li jmorru kontra d-dinjità tagħna,” sostna l-Isqof.

Il-Kap tal-Knisja Protestanta wkoll wera tħassib dwar ir-riskju ta’ manipulazzjoni u nnota li dan l-avveniment terribbli għandu jkun iċċarat b’kawtela. Qal li kull esplojtazzjoni politika hi inaċċettabbli u twassal għal eskalazzjoni ta’ vjolenza li jkollha konsegwenzi diżastrużi.

Skont il-pulizija madwar 2,500 persuna, l-għada tal-qtil wieġbu għal sejħa tal-lemin estrem u għamlu dimostrazzjoni f’Kothen kontra n-numru dejjem jikber ta’ persuni li qed ifittxu ażil u kontra l-politika tal-Gvern dwar l-immigrazzjoni. Fl-istess jum filgħaxija, 200 persuna oħra ħadu sehem fi protesta, din id-darba organizzata mix-xellug radikali.

L-inċidenti ta’ Chemnitz, fejn Ġermaniż ta’ 35 sena nqatel, għadhom friski f’moħħ in-nies. F’dak il-każ il-persuni suspettati huma Iraqini u Sirjani li qed ifittu l-ażil. Wara dak l-inċident kienu organizzati erba’ dimostrazzjonijiet mill-Partit Alternattiva għall-Ġermanja bit-tema “Waqqfu l-Invażjoni ta’ dawk li qed ifittxu Ażil.” F’dawk id-dimostrazzjonijiet għexieren ta’ persuni sfaw midruba u dan tefa’ l-pajjiż f’ansjeta kbira u reġa’ beda jitfaċċa is-salut Nazista.

Il-President tal-Kumitat Ċentrali tal-Kattoliċi Ġermaniżi, Thomas Sternberg, iddeskriva lill-Partit Alternattiva għall-Ġermanja bħala wieħed tal-lemin estrem u sejjaħ lill-forzi ħielsa u demokratiċi kollha biex jirreżistu lil dan il-Partit qabel ma jsiru l-elezzjonijiet każwali fil-Bavaria u Hesse.

Filwaqt li kkundanna d-demonizzazzjoni tal-immigrazzjoni, Sternberg irrikonoxxa l-bżonn li jkun hemm limiti ekonomiċi u soċjali għall-emigrazzjoni.

Meta seħħew l-inċidenti ta’ Chemnitz, il-President tal-Kunsill tal-Knejjes Protestanti fil-Ġermanja, l-Isqof Heinrich Bedford-Strohm, ukoll wissa lill-votanti Ġermaniżi kontra l-Partit Alternattiva għall-Ġermanja.