Il-Kmandant Amerikan għall-armi nukleari lest jirreżisti ordni mingħand Trump

Il-Kmandant Għoli għall-Armi Nukleari tal-Istati Uniti qal li lest jirreżisti kwalunkwe ordni “illegali” mill-President biex jiftaħ attakk.
John Hyten qal li bħala Kmandant Stateġiku tal-Istati Uniti kien tkellem "ma’ President" u talblu li jkun hemm alternattiva oħra.
Bħalissa, il-President Amerikan għandu l-poter li jordna attakk nukleari.
Il-kummenti ta’ Hyten ġew ftit jiem wara li Senaturi Amerikani, anke mill-partit ta’ Trump stess, staqsew jekk il-President għandux ikollu l-poter assolut fuq l-armi nukleari.
Kien hemm min saħansitra wera t-tħassib tiegħu għax jibżgħu li l-President Trump juża dan il-poter b’mod irresponsabbli.
Oħrajn kienu tal-opinjoni li l-President ikollu l-awtorità fuq l-armi nukleari u li ħadd ma jindaħallu.
Din kienet l-ewwel darba f’40 sena li qam dan id-dibattitu.
F’Awwissu Trump kien qal li lest jordna attakk “kif id-dinja qatt ma rat” jekk il-Korea ta’ Fuq thedded l-Istati Uniti.
Ix-xahar li għadda, is-Senatur Repubblikan Bob Corker akkuża lill-President li qed ipoġġi lill-Istati Uniti fit-triq tat-Tielet Gwerra Dinjija.