Il-Klowning mhux ħaġa taċ-ċajt!

Intervista ma’ Dr Klown Maria Sant Fournier

L-ewwel nett, għalfejn Dr Klown?

“Mawra” fl-isptar tista’ tkun esperjenza ta’ biża’ u dwejjaq, speċjalment għat-tfal. Għalhekk Dr Klown jipprova jtaffi xi ftit mill-biża’ u d-dwejjaq u jnissel tbissima u joffri mument ta’ leġġerezza fost il-pazjenti. Għall-inqas għal mument it-tfal jinsew li jkunu morda.

Kif tħossok qabel tidħol fil-ward?

Qabel nilbes il-lab coat nipprova “ninża’” mix-xogħol, il-ħsibijiet u l-ħajja mgħaġġla ta’ barra, u “nilbes” l-attitudni u l-burdata ta’ min irid joffri lit-tfal mument mingħajr il-ħsieb ta’ injections u testijiet. Aħna nkunu dejjem tnejn, u nippruvaw ngħinu lil xulxin biex nidħlu fid-dinja u l-atmosfera tal-klowning.

Għaliex l-umoriżmu u t-tbissima huma importanti? Ngħidu li ‘laughter is the best medicine’ – u xi drabi veru li t-tfal jidħqu u jieħdu gost. Għadni niftakar mument li ma ninsieh qatt meta dħalt f’ward fejn kien hemm tifel li tant beda jieħu pjaċir u jidħaq li missieru, li kien qed ikellem lil omm it-tifel bil-mobile, għadda l-mobile f’idejn it-tifel biex ommu tisma’ lil binha jidħaq waqt li kien qed jarana. Imma t-tfal mhux dejjem ikollhom aptit jidħqu u jieħdu sehem fil-logħob. Aħna ma nġegħluhomx jidħqu bilfors. Biżżejjed għalina li n-nurses jgħidulna li wara li nkunu tlaqna, xi wħud minn dawn it-tfal jgħidulhom li l-isbaħ ħin tal-ġurnata kien meta raw lilna nibbużullottjaw quddiemhom!

Kif u meta twaqqfet?

L-idea ħoloqha fl-1971 ċertu Hunter Doherty “Patch” Adams, tabib u kummidjant Amerikan. L-idea saret popolari bis-saħħa tal-film “Patch Adams”, li fih ħadem Robin Williams. Kull sena, Patch jorganizza voluntieri biex imorru jferrxu tbissima fl-isptarijiet. F’Malta bdiet fl-2010 minn żewġ tobba Maltin meta dawn iltaqgħu mal-organizzazzjoni Taljana “Dottor Sorriso”. Niftakarni narahom fuq it-tv jappellaw għal voluntiera f’Malta. F’Novembru 2011 Dr Klown ġiet irreġistrata bħala NGO kompletament volontarja. F’April 2017 kellna esperjenza indimentikabbli meta f’Padova attendejna workshops ma’ ħu Patch Adams u għal konferenza minn Patch Adams innifsu.

Trid tkun tabib biex tkun Dr Klown? Min jista’ jsir Dr Klown? Hemm xi taħriġ involut?

Stramba tgħidha, imma l-‘klowning’ mhux xi ħaġa taċ-ċajt, anzi huwa ħaġa serja! Ħadd minna ma għandu “kwalifika” bħala entertainer u ftit biss minna huma kkwalifikati bħala tobba, għalhekk ikollna bżonn ċertu taħriġ. Kulħadd jista’ japplika. L-għażla ssir permezz ta’ interviews, testijiet psikoloġiċi u ħiliet artistiċi. Madwar wieħed minn kull tmienja jirnexxilhom isiru Dr Klown!

It-taħriġ idum madwar sena u jinkludi taħriġ artistiku (eż. mimes, żfin, kant, rakkont ta’ stejjer, użu tal-vuċi, reċtar, puppets, espressjonijiet bil-wiċċ u, l-aktar importanti, kif timprovviża) kif ukoll psikoloġiku (kif iġġib ruħek f’ċerti sitwazzjoni u x’tagħmel meta moħħok jibqa’ jbergħen fuq xi tfal li tkun rajt). Ikollna wkoll peer sessions mal-Psikologu Edward Curmi kull 6-8 ġimgħat u counselling fejn ikun meħtieġ. It-taħriġ jibqa’ jsir fuq bażi regolari b’weekend seminars jew nofstanhari biex intejbu l-ħiliet tagħna u l-ispirtu ta’ tim bejnietna. 

Bħalissa aħna 22 Klowns u 7 qed jitħarrġu. Jekk tgħodd is-support groups, il-membri fl-isteering committee, l-IT consultant u l-voluntiera b’kollox qegħdin 47. Ħadd ma jitħallas għall-ħidma tiegħu u lkoll ġejjin minn kull qasam tal-ħajja, bħal infermiera, tobba, għalliema (bħali), pensjonanti u ħaddiema fl-uffiċċji.

F’liema sptarijiet tattendu? Is-sitwazzjoni tal-COVID-19 affettwatkom?

Aħna nżuru Mater Dei (Rainbow, illum f’SAMOC, Disneyland, Fairyland u Wonderland) u l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex. Fl-aħħar xhur ma stajniex inżuru t-tfal fil-wards għalhekk organizzajna “żjarat” virtwali bl-għajnuna sħiħa tal-infermiera. Xi wħud minna rrekordjaw videos biex it-tfal jarawhom xħin iridu. Fuq il-website tagħna (drklown.org) għandna wkoll numru ta’ videos li konna rrikordjajna ħafna qabel tfaċċa l-COVID-19.

U meta ma jkollokx aptit tmur fil-wards?

Meta ma nkunux fil-burdata jew għajjenin aħna mħarrġin kif it-tnejn li aħna ngħinu lil xulxin. Tiskanta dak il-lab coat li nilbsu qabel nidħlu fil-ward kemm jgħinek tibdel il-burdata u tidħol fl-atmosfera. Anki meta tasal lura d-dar, xi drabi tħossok imtaqqla u tixtieq toqgħod waħdek, imma shower tajba u l-esperjenza jgħinuk ma tibqax iġġorr dak li tkun ġibt miegħek mill-isptar u malajr terġa’ tidħol fid-dinja ta’ qabel.

Tista’ tara l-verżjoni sħiħa ta’ FLIMKIEN billi tagħfas hawn. 

Flimkien Cover Gunju