Il-klima politika b’effetti fuq is-saħħa mentali – Fondazzjoni Richmond

Beppe Galea

Read in English.

Il-Fondazzjoni Richmond qalet li l-klima politika preżenti qed ikollha effetti fuq is-saħħa mentali fuq għadd kbir ta’ persuni. Fi stqarrija, l-Fondazzjoni appella lill-politiċi biex jieħdu pożizzjoni u jaraw li s-sitwazzjoni titreġġa’ lura għan-normal b’mod urġenti.

Il-Fondazzjoni indirizzat b’mod partikolari lill-oqsma kollha tal-politika, tal-Gvern u anke tas-sigurtà. Huma qalu dan minħabba li jinsabu serjament inkwetati bħala organizzazzjoni li tirrapreżenta l-vuċi ta’ persuni li qed jesperjenzaw problemi ta’ saħħa mentali. Qalu li fil-pajjiż bħalissa hawn “emozzjonijiet intensi u inċertezza”.

Fissru li biex jitreġġa lura is-sens ta’ sigurtà u stabilità, il-ġustizzja għandha titħalla tieħu l-kors tagħha, u għandu jidher li qed isir dan. 

Il-fiduċja hija essenzjali biex il-persuni igawdu wellbeing u jkunu jistgħu iżommu relazzjonijiet b’saħħithom.  Il-fiduċja fl-istituzzjonijiet li minnhom in-nies jistennew il-protezzjoni hija daqstant ieħor importanti.

Spjegaw li l-istess strutturi li soltu jiffurmaw parti integrali mill-istruttura ta’ stat stabbli u li joffri sigurtà, huma fil-lenti ta’ għadd ta’ mistoqsijiet kemm lokalmenti kif ukoll internazzjonalment. Saħqu li dan il-fatt qed iwassal lil diversi persuni iħħossuhom mhumiex protetti u jesperjenzaw nuqqas ta’ sigurtà.

Qalu li dawk il-persuni li jemmnu fis-separazzjoni tal-poter, u li jgħożżu l-governanza tajba jinsabu tassew imħassba u mnikkta. Għaldaqstant huma jemmnu li din is-sitwazzjoni jista’ jkollha impatt fit-tul fuq is-saħħa mentali f’Malta, u li qed tnaqqas l-attenzjoni mill-implementazzjoni ta’ politika u strateġiji intenzjonati li jisalvagwardjaw is-saħħa tal-poplu, inkluża l-istrateġija dwar is-Saħħa Mentali li ġiet ippublikata riċentament. 

Temmu jgħidu li l-politiċi u l-uffiċjali pubbliċi huma impenjati lejn il-ġid komuni.