Il-klikka ta’ Bim Bum Bam ġejja lura

Ritratt: Uffiċju stampa Mediaset

Wieħed mill-programmi l-aktar popolari fis-Snin 80 u 90 bla dubju kien Bim Bum Bam li mmarka wkoll il-bidu ta’ karriera ta’ Paolo Bonolis. Dan il-programm se jerġa’ jkun qed jixxandar u dan proprju minn ftit tal-ġranet oħra hekk kif minn nhar it-Tnejn 13 ta’ Marzu l-istazzjon Taljan Mediaset Extra jibda skeda ta’ programmi fejn se jkunu qed jitwasslu wħud mill-aqwa programmi li qatt ixandru tul is-snin fuq l-istazzjonijiet tagħhom

Kuljum mit-Tnejn sal-Ġimgħa fit-8am se jkunu qed jixxandru żewġ puntati wara xulxin tat-tieni staġun ta’ Love Me Licia, is-sensiela li nibtet mis-serje animata Kiss Me Licia. Fil-parti ewlenija Cristina D’Avena.

Matul il-ġimgħa bejn 08.15 sal-12.15 se tasal serje klassika Taljana oħra Casa Vianello fejn ta’ kuljum se jixxandru 6 puntati wara xulxin. Raimondo Vianello u sandra Mondaini se jkunu qed jixxandru l-puntati tal-ewwel staġun li oriġinarjament bdew jintwerew fl-1988.

Eżatt wara se jitwasslu 6 puntati wara xulxin tas-sensiela Finalmente Soli b’Gerry Scotti fil-parti ewlenija. Dawn se jkunu l-puntati li xxandru fl-1999.

Fit-3.35pm se jkunu qed jixxandru 3 puntati wara xulxin ta’ Un Ciclone In Famiglia tal-2008 b’Massimo Boldi fil-parti ewlenija.

Fis-6.15pm is-sitkom Finché c’è ditta c’è speranza li nħadmet fl-1999. Eżatt wara se jixxandru 3 puntati ta’ I Cesaroni.

Nhar ta’ Tnejn fid-9.15pm se tixxandar is-sensiela Non e La Rai li kisbet suċċessi kbar għal Ambra Angiolini filwaqt li t-Tlieta La Sai L’Ultima filwaqt li l-Erbgħa se jixxandru aktar episodji minn Casa Vianello. Il-Ħamis se jixxandar Mai Dire Gallery fejn se jitwasslu wħud mill-aqwa mumenti tal-programmi tal-Gialappa Band filwaqt li l-Ġimgħa ritorn li se jkun mistenni ferm u bla dubju se jkunu ħafna dawk li sjegwuh, Bim Bum Bam, f’edizzjoni li tibqa’ għaddejja sa nofsillejl meta f’dak il-ħin se tixxandar is-sensiela Arriva Cristina tal-1988.

Is-Sibt matul il-ġurnata mbagħad tixxandar is-sensiela Colorado segwita minn Sei Forte Maestro u fid-9.15pm is-sensiela College li nħadmet fl-1990 b’Federica Moro fil-parti ewlenija.