Il-Klikka reġgħet magħna

Mil-lum l-Erbgħa 1 ta’ April (le, mhix ċajta) se tkun qed tasal lura fuq it-televiżjoni is-sensiela popolari Il-Klikka ta’ V Squared li kienet intweriet għall-ewwel darba fuq it-televiżjoni fl-2012. Din se tkun qed titwassal fuq l-istazzjon One matul il-Ġimgħa fis-2pm.

Ben Camille, Valentina Rossi, Tezara Camilleri, Jessika Muscat u Taryn Mamo Cefai huma fost l-atturi li jinterpretaw il-karattri ewlenin f’din is-sensiela.

Fis-sensiela niltaqgħu ma’ karattri mill-aktar interessanti:

Veronica għandha 29 sena u hija avukat; Louisa, il-pastiċċiera għandha 26 sena u Michelle hija single mother ta’ 30 sena. Huma ilhom jafu ’l xulxin minn żmien il-primarja.

It-tlieta Slimiżi iżda l-ambjent familjari huwa differenti hafna. Louisa ftit iżgħar mit-tnejn l-oħra iżda minn dejjem ingwalatha sew magħhom għax minn dejjem iktar matura minn tfal oħra tamparha.

Louisa kibret mingħajr ġenituri, kibret f’ambjent differenti minn tfal oħra u għalhekk kibret malajr. Veronica u Michelle, it-tnejn ġejjin minn familja tat-tajjeb iżda Michelle tifla unika u dejjem kisbet li riedet. Veronica għandha oħtha, tgħix mal-ġenituri tagħha, studjat, ġriet, siefret, insomma, tfajla tipika ta’ llum.

Fil-Junior College Louisa ltaqgħet ma’ Audrey, kantanta ta’ 26 sena, u ma’ Julia, air hostess li wkoll għandha 26 sena. Saru insepparabbli.

Sarah, nutar ts’ 23 sena daħlet riċenti fil-klikka. Hija l-kuġina ta’ Veronica u minn dejjem kienu jmorru tajjeb flimkien.

Hemm ukoll Karen, l-‘outsider’ tal-klikka. Hija ħabiba kbira ta’ Veronica, u kienu fil-kors tal-liġi flimkien, studjaw flimkien u anke siefru flimkien. Imma issa Karen iżżewġet. Lura mill-għamar-il-għasel se tibqa’ daqshekk midħla tal-klikka?

Il-Klikka jixxandar mit-Tnejn sal-Ġimgħa fis-2pm fuq One. Qablu se jkunu qed jixxandru l-puntati tal-2001 tas-sensiela Wenzu u Rożi b’Narcy Calamatta, Josephine Mahoney, Marvic Cordina u Sandro Vella fost oħrajn.


Fuq l-istess stazzjon fit-3.35pm jixxandru wkoll Sketches mad-Dulli, programmi qosra ta’ madwar 10 minuti fejn jitwasslu sketches bis-sehem ta’ Joe Farrugia, id-Dulli.