Filmat: “Il-klikka ma ddejjaqtx insemmiha; għamilt iljieli ma norqodx” – Il-President

Read in English.

Il-President George Vella qal li waqt il-kriżi politika “li qatt ma kellna bħalha qabel”, huwa għamel iljieli sħaħ bla rqad, peress li kull deċiżjoni fiha l-konsegwenzi tagħha. Madankollu, ma qagħadx lura milli jirreferi għall-“klikka.” Martu Miriam Vella qalet li kienet imħassba ħafna dwar żewġha f’dan il-perjodu.

Dan qaluh waqt intervista li saritilhom minn Fr Joe Borg u Sylvana Debono fuq 103 Malta’s Heart.

Dan iż-żmien il-President sejjaħlu wieħed diffiċli, peress li kull deċiżjoni fiha l-piż tagħha. Qal li hu ta widen lil min jifhem u ħa l-pariri mingħand diversi nies imma ried jiżen dak kollu li kien qed jisma’. Il-President qal li pprova jqabbel is-sitwazzjoni ma’ sitwazzjonijiet f’pajjiżi oħra, imma ma skopra li din ma taħdimx peress li kull pajjiż għandu kostituzzjoni differenti. Qal li hu jiġi miżmum responsabbli għal dak li tgħid il-Kostituzzjoni, u minkejja l-kuxjenza u l-fehmiet tiegħu, dejjem ried iżomm magħha.

Qal li li kieku sar jaf li l-eks Prim Ministru Joseph Muscat ma kienx igawdi l-fiduċja ta’ sħabu fil-Grupp Parlamentari Laburista u fil-Kabinett, hu kien “iqajjem gwerra ċivili.” Iżda dan ma kienx il-każ, u l-President stqarr kif anke meta Muscat żaru għall-awgurju tal-ewwel tas-sena, ħa lil madwar għoxrin persuna miegħu. Għaldaqstant, ladarba Muscat baqa’ jgawdi l-fiduċja tal-maġġoranza, il-President kellu jdejh marbutin.

Ara l-intervista sħiħa hawn
Intervista mal-President u s-Sinjura Vella

Huwa ddeskriva s-sitwazzjoni bħala waħda tal-biki. Qal li meta fit-13 ta’ Diċembru għamel id-diskors ta’ Jum ir-Repubblika, ma ddejjaqx isemmi “l-klikka li ħatfet lill-pajjiż.” Stqarr li dan ma kienx id-diskors li kellu ppjanat, iżda bil-kriżi li kienet fiha Malta, kellu jbiddel diskorsu u jaddattah għaċ-ċirkostanzi. Dan id-diskors kitbu bi wġigħ, u ma kienx ċert jekk hux se jirnexxilu jagħmlu mingħajr ma jemozzjona ruħu.

Minkejja dan, huwa qal li l-klikka tiddefiniha l-qorti, u hu ma jista’ jipponta subgħu lejn ħadd, iżda sostna “fatt li hemm klikka, fatt li ġabu l-pajjiż fejn ġabuh.”

Is-Sinjura Vella qalet li waqt din il-kriżi politika, hija aġixxiet bħalma dejjem aġixxiet. Kienet hemm għal żewġha u meta kellu bżonn jiftaħ qalbu, hi kienet hemm biex tisimgħu.

X’qal fuq id-differenza bejn iż-Żejtun u Sant’Anton?
Filmat: “Domt 4 xhur biex mort Sant’Anton” – Il-President