Il-Klikka lura fuq it-televiżjoni!

Iva qed taqraw sew! Is-serje popolari Il-Klikka, li apparti s-suċċess li kellha meta xxandret għall-ewwel darba, konna rajna wkoll film fiċ-ċinema, se terġa’ tirritorna proprju minn għada t-Tnejn.

L-istazzjon ONE se jkun qed ixandar il-puntati kollha, mit-Tnejn sal-Ġimgħa fis-12.40, ħin tajjeb ħafna f’dan iż-żmien tas-sena għal dawk li jkunu qegħdin id-dar.

F’din is-sensiela kienu ħadu sehem bosta atturi li forsi f’dik il-ħabta kienu fil-bidu tal-karriera tagħhom. Fosthom hemm Ben Camille, Valentina Rossi, Tezara Camilleri, Jessika Muscat u Taryn Mamo Cefai.

Bla dubju waqt li se tkunu qed issegwuha, se taraw aktar uċuh familjari. Però, min huma l-karattri ewlenin ta’ din il-klikka?

Veronica għandha 29 sena u hija avukat; Louisa, il-pastiċċiera għandha 26 sena u Michelle hija single mother ta’ 30 sena. Huma ilhom jafu ’l xulxin minn żmien il-primarja.

It-tlieta Slimiżi iżda l-ambjent familjari huwa differenti hafna. Louisa ftit iżgħar mit-tnejn l-oħra iżda minn dejjem ingwalatha sew magħhom għax minn dejjem iktar matura minn tfal oħra tamparha.

Louisa kibret mingħajr ġenituri, kibret f’ambjent differenti minn tfal oħra u għalhekk kibret malajr. Veronica u Michelle, it-tnejn ġejjin minn familja tat-tajjeb iżda Michelle tifla unika u dejjem kisbet li riedet. Veronica għandha oħtha, tgħix mal-ġenituri tagħha, studjat, ġriet, siefret, insomma, tfajla tipika ta’ llum.


Fil-Junior College Louisa ltaqgħet ma’ Audrey, kantanta ta’ 26 sena, u ma’ Julia, air hostess li wkoll għandha 26 sena. Saru insepparabbli.

Sarah, nutar ts’ 23 sena daħlet riċenti fil-klikka. Hija l-kuġina ta’ Veronica u minn dejjem kienu jmorru tajjeb flimkien.

Hemm ukoll Karen, l-‘outsider’ tal-klikka. Hija ħabiba kbira ta’ Veronica, u kienu fil-kors tal-liġi flimkien, studjaw flimkien u anke siefru flimkien. Imma issa Karen iżżewġet. Lura mill-għamar-il-għasel se tibqa’ daqshekk midħla tal-klikka?

Ċans sabiħ matul is-sajf biex terġgħu tgħixu din is-sensiela li tant kienet kisbet suċċess meta bdiet tixxandar għall-ewwel darba fl-2012.