Il-kliem ta’ mibegħda wassal għall-inċidenti vjolenti tal-aħħar ġimgħat fl-Amerika

Poster f'El Paso, fejn seħħet waħda mill-isparaturi, iħeġġeġ għall-imħabba flok il-vjolenza

L-Isqfijiet Kattoliċi Amerikani fi stqarriha qalu li l-kliem ta’ mibegħda kontra l-emigranti, kontra r-refuġjati, kontra l-Musulmani u s-sentimenti kontra l-Lhud li tlissnu u kienu proklamati pubblikament fis-soċjtà Amerikana fl-aħħar snin, inċitaw il-mibegħda u wasslu għall-inċidenti vjolenti li seħħew fl-aħħar ġimgħat li fihom inqatlu numru ta’ persuni.

Skont l-aġenzija Vatican News l-istqarrija tal-Isqfijiet ħarġet wara l-vjoelnza mwettqa fil-pajjiż, motivata mill-mibegħda.  L-isqfijiet appellaw biex kulħadd joqgħod lura milli juża lingwaġġ xeonfobiku jew razzist.

L-isqfijiet Joe Vásquez ta’ Austin, Frank Dewane ta’ Venice, u Shelton Fabre ta’ Houma-Thibodaux, li jmexxu kumitati tal-Konferenza Episkopali Amerikana appellaw lill-poplu tal-Istati Uniti biex jieqaf juża lingwaqq mimli mibegħda li jċekken lil min jgħidu u jifred il-poplu u li jwassal lil uħud biex iwettqu vjolenza tal-biża’.

Motivazzjoni għall-vjolenza

L-Isqfijiet irreferew għall-inċident li seħħew fl-aħħar ġimgħat fejn f’Texas inqatlu 22 persuna f’El Paso meta persuna fetħet in-nar fuq in-nies li kienu qed jixtru.  Min wettaq dan l-attakk, qabel infexx fid-dagħadiha ta’ sparar, kiteb fuq il-media elettronika li dak li kien se jagħmel kien b’rispons “għall-invażjoni ta’ Texas mill-Hispanics”.

It-tliet Isqfijiet semmew ukoll l-isparatura li kienet seħħet fl-2018 fis-Sinagoga ta’ Pittsburgh fejn kienu nqatlu 11-il persuna minn persuna kontra l-Lhud.

Inċident simili kien seħħ ukoll fl-2015 f’Charleston fil-Knisja Mother Emanuel fejn inqatlu disa’ persuni li kienu qed jistudjaw il-Bibbja.

Razziżmu u Xenofobija 

L-Isqfijiet esprimew it-tħassib serju tagħhom għall-fatt li dawn l-attakki qattiela kienu motivati mir-razziżmu.

Huma appellaw lill-politiċi biex ifejjqu l-ġrieħi kaġunati minn dawn l-isparaturi u jiġġieldu x-xenofobija u l-bigottiżmu reliġjuż li hemm wara dawn l-inċidenti.

B’mod speċifiku t-tliet Isqfijiet sejjħu lill-mexxejja Amerikani biex ma jużawx lingwaġġ li jċekken il-bniedem u jippolarizza l-poplu a bażi ta’ razza, etniċità, reliġjon jew oriġini nazzjonali u appellaw lill-Amerikani kollha biex jingħaqdu bħala “poplu kbir, divers u li jilqa’ u jagħti merħba.”