Il-kliem fil-vojt ta’ Joseph Muscat

Kemm-il darba smajna lill-eks Prim Ministru u eks Kap tal-Partit Laburista Joseph Muscat jiftaħar li kien hu li neħħa l-preskrizzjoni dwar atti ta’ korruzzjoni li kienu setgħu seħħew minn xi politiċi tul il-karriera tagħhom bħala persuni pubbliċi. Jiġifieri li eks ministru jew membru parlamentari jista’ jiġi investigat u eventwalment jiġi wkoll imressaq il-qorti fuq allegazzjonijiet ta’ korruzzjoni, anke meta jkun telaq mill-ħajja pubblika.

Il-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika kien mitlub jinvestiga lil Joseph Muscat dwar meta qabel ma telaq minn Prim Ministru kien ta lill-eks ministru Konrad Mizzi konsulenza mal-Awtorità tat-Turiżmu b’salarju enormi. Il-Kummissarju kien ħareġ rapport tat-taħriġ tiegħu u bla tlaqliq kien kiteb li prima face Muscat kien abbuża mill-poter tiegħu u kien ukoll kiser il-Kodiċi tal-Etika li hu kien obbligat josserva.

Dan ir-rapport kien wasal quddiem il-Kumitat Permanenti tal-Kamra jew aħjar tal-Parlament li jindaga dwar Standards fil-Ħajja Pubblika. F’dawn il-kumitati, kif titlob id-demokrazija, il-gvern tal-ġurnata dejjem ikollu maġġoranza ta’ membri. Il-Kumitat tal-Kamra aċċetta r-rapport tal-Kummissarju iżda meta l-membri tal-Oppożizzjoni talbu li Joseph Muscat għandu jingħata xi sanzjoni għal dak l-abbuż u ksur ta’ etika, il-membri tal-gvern fosthom il-Ministru għall-Ġustizzja ma qablux għax Joseph Muscat m’għadux membru parlamentari.

L-affari marret quddiem l-Ispeaker tal-Kamra u nhar il-11 ta’ Jannar 2021 ħabbar id-deċiżjoni tiegħu li l-Liġi Maltija ma tagħmel ebda referenza li t-terminu ta’ “Membri tal-Kamra” jinkludi wkoll “eks Membri tal-Parlament”. L-Oppożizzjoni qed titlob bir-raġun li d-deċiżjoni tal-Ispeaker tmur kontra kemm dak li hu stipulat bil-kelma kif ukoll fl-ispirtu tal-Att dwar l-Istandards fil-Ħajja Pubblika.

Il-messaġġ tal-Ispeaker bid-deċiżjoni tiegħu qed imur ukoll kontra l-kelma u l-ispirtu tar-riforma li kien għamel Joseph Muscat stess li kull allegat att ta’ korruzzjoni minn uffiċjal pubbliku fil-politika jew f’xi servizz ċivili ma jkollu l-ebda preskrizzjoni. Jekk Joseph Muscat tassew jemmen hekk, għandu jagħmel talba hu stess li jidher quddiem dan il-Kumitat tal-Kamra ħalli jaffaċċja s-sitwazzjoni li hu kien misjub ħati ta’ abbużi ta’ poter u ksur ta’ dmirijiet statutorji u etiċi u jissottometti lilu nnifsu anke għas-sanzjoni ta’ sempliċi ċanfira.

Jekk il-Prim Ministru Robert Abela jrid li l-poplu jieħu bis-serjetà l-isforzi tiegħu favur governanza tajba u ġusta għandu jibda biex jara li ssir ġustizzja dwar dak li hu magħruf. Jekk Joseph Muscat kien misjub ħati ta’ abbuż u ksur ta’ etika, għaliex ma smajna l-ebda kelma minn għandu? Għala għadu sal-lum jinjora l-akkuża serja ta’ Maġistrat kontra l-Ministru Ian Borg li ma twemminx meta f’kawża kien qal li ma kienx jaf li persuna li mingħandha kien xtara biċċa art ma kienx isofri minn mard mentali?  Għala għadu qed jaħbi l-korruzzjoni dwar l-Electrogas u l-Isptarijiet mibjugħa lill-barranin?

Jekk nibqgħu għaddejjin b’din it-tip ta’ impunità anke bil-kollaborazzjoni tal-Parlament Malti, x’ċans realistiku hemm fil-prattika li allegati atti abbużivi ta’ korruzzjoni mill-membri tal-Eżekkutiv jispiċċaw quddiem il-qrati? B’ħafna kliem fil-vojt mhu se naslu mkien.