Il-klieb tagħha dejquh, u ħarqilha l-karozza

Kmieni dalgħodu karozza nqerdet minn nirien fit-Telgħa tax-Xemxija, San Pawl il-Baħar, f'dak li hu maħsub att premeditat minn persuna li jdejjaqha l-inbiħ tal-klieb ta' resident qrib tiegħu.
Persuna li tkellmet ma' Newsbook.com.mt stqarret li dan ma kienx l-ewwel attakk simili minn xi persuna jew persuni, li apparentament iħossuhom urtati bl-inbiħ minn żewġt iklieb li dil-persuna għandha. Hija rrimarkat li l-klieb tagħha huma ta' razza mħallta, u ġabithom minn ċentru ta' salvataġġ ta' klieb tat-triq.
Il-persuna li ilha tliet snin toqgħod f'din ir-residenza, irrakkuntat li sentejn ilu xi ħadd ħarqilha bċejjeċ żgħar mad-dawra ta' darha, iżda ħasbu li setgħu kienu xi tfal.
F'Marzu tal-2015, dil-persuna sabet miktub mal-ħajt ta' darha b'żebgħa sewda avviżi biex "tagħlaq ħalq il-klieb tagħha". Hija ċemplet lill-Pulizija, fejn infurmathom li l-klieb tagħha ma jinbħux daqshekk, u li sa dakinhar ħadd ma kien ġie jħabbtilha biex jiġbdilha l-attenzjoni.
“Din hi persuna miġnuna, għax kieku jien immur inħabbat lill-ġar tiegħi, u mhux nagħmillu hekk.”
F'Ġunju tal-istess sena, hija sabet il-karozza tagħha maħruqa. Mill-investigazzjonijiet tal-Pulizija dakinhar, kienu kkonkludew li l-ħruq kien intenzjonat.
Il-karozza li nqerdet dal-lejl mhijiex tal-persuna li kellmet lil Newsbook.com.mt, iżda ta' persuna oħra b'diżabbiltà fiżika.
Did-darba l-familja tal-persuna sabet messaġġ ieħor mingħand il-persuna li allegatament qed tagħmel dawn l-atti vandali. Huma sabu jerrycan bil-kitba fuqhom li kienet tgħid, "Ngħix hawn, u l-klieb tiegħek idejquni".
Il-vittma qalet li sa issa l-investigazzjonijiet tal-Pulizija ma wasslu għal ebda suspettat. Irrimarkat ukoll li meta nħarqet il-karozza tagħha damet sena tistenna r-rapport sabiex tieħdu għand il-kumpanija tal-assikurazzjoni.
Dwar il-każ infetħet inkjesta maġisterjali.
Ritratt: il-karozza li nħarqet dal-lejl, li mhijiex tal-persuna li tkellmet magħna, iżda ta' ġara b'diżabbiltà.