Il-klieb tad-dwana jaqbdu €270,000 mhux iddikjarati

F’sena li ilha mwaqqfa t-taqsima tal-klieb fi ħdan id-Dwana, il-klieb għenu biex jinqabdu €270,397 fi flus kontanti mhux iddikjarati.

Huma għenu wkoll biex jinqabdu 15.6kg fi drogi, 44g tabakk, 97 kartuna ta’ sigaretti mhux iddikkjarati, 15g f’shisha u 1791 bott tal-isnus.

AQRA: Filmat: ‘Il-klieb tad-Dwana jafu jfittxu droga, tabakk, u flus’

Id-Dwana ħabbret dawn ir-riżultati f’għeluq is-sena mindu twaqqfet it-taqsima. Din kienet saret b’investiment kemm tad-Dipartiment kif ukoll tal-Uffiċċju Ewropew kontra l-Frodi (OLAF) taħt l-iskema Hercule III.

It-taqsima tal-klieb tgħin fl-operazzjonijiet tad-Dwana fit-tiftix għal sustanzi illeċiti bħas-sigaretti u x-xorb, kif ukoll fil-kuntrabandu ta’ oġġetti oħra.

B’kollox hemm sitt iklieb imħarrġa biex jagħmlu dan ix-xogħol u li għenu biex dawn l-oġġetti jinstabu fuq il-persuni li kienu deħlin jew sejrin minn Malta.

L-uffiċċjali tad-Dwana li jaħdmu f’din it-taqsima flimkien mal-klieb għaddejjin minn taħriġ intensiv u kontinwu.

Fi stqarrija d-Dwana sostniet li għad baqa’ fejn jistgħu jitjiebu u jiġbu riżultati aħjar.