Awdjo: “Il-klerikaliżmu jibqa’ tentazzjoni kbira fil-Knisja” – l-Arċisqof

L-Arċisqof Charles Scicluna ddeskriva l-Evanġelju tal-ġurnata, meta Ġesù kkritika lill-mexxejja tar-reliġjon, bħala “ċensura” għall-membri tal-kleru li jinqdew bil-missjoni tagħhom għall-privileġġ personali u biex ixaħħmu l-but tagħhom.
Waqt il-Pontifikal Solenni ta’ Jum it-Tifkira, l-Arċisqof iddeskriva l-klerikaliżmu, bħala tentazzjoni kbira fil-Knisja, u talab maħfra lil Alla għad-dnubiet tal-kleru.
Monsinjur Scicluna talab biex kull membru tal-kleru jgħix veru dak li jitlob u jiċċelebra fil-Knisja u li dan ma jkunx maskla li tagħtti r-regħba għall-ġid u l-prestiġju.”
“Qabel kulħadd, illum il-Kelma t’Alla ċċanfar lilna membri tal-Kleru,” qal l-Arċisqof waqt li saħaq li l-istess ċanfira testendi għal kull min jidħol fis-servizz tas-soċjetà.
“Anke minn jidħol għas-servizz tas-soċjetà, għandu t-tentazzjoni li moħħu jisker fil-kilba tal-poter u tal-ġid,” kompla jgħid l-Arċisqof.
Talab maħfra, f’isem il-politiċi u dawk kollha fis-servizz tas-soċjetà għal kemm il-darba jċedu quddiem it-tentazzjonijiet u talab lil Alla jsaffi l-intenzjoni ta’ kulħadd.
Waqt li ħa spunt ieħor mill-Evanġelju, jiġifieri tal-armla li tefgħet fit-teżor tat-Tempju kull ma kellha, l-Arċisqof qal li dawk kollha li taw kollox, jiġifieri ħajjithom għas-servizz tas-soċjetà, għandhom iservu ta’ eżempju kemm għal kleru, iżda wkoll għal dawk kollha fit-tmexxija u s-servizz.
“Ġesù jurina d-distakk li hemm bejn min juża l-poter għall-vantaġġi personali tiegħu, u dawn ulied il-poplu li biex jaqdu lill-istat iħallu ħajjithom,” żied Monsinjur Scicluna.
Temm l-omelija tiegħu billi qal li mis-skiet tal-qabar tagħhom, dawn iż-żgħażagħ li mietu fil-Gwerra, jagħtu tagħlima lil kulħadd.
Ħeġġeġ lil dawk kollha fis-servizz, lill-membri tal-Forzi Armati, lill-pulizija, lill-politiċi u anke lill-kleru biex jirriflettu dwar il-veru motivazzjoni tagħhom u biex ipoġġu dejjem l-imħabba fuq quddiem nett tas-servizz tagħhom.
Preżenti għall-Pontifikal kien hemm l-ogħla awtortitajiet tal-pajjiż, fosthom il-President ta' Malta, il-Prim Ministru u l-Kap tal-Oppożizzjoni. Kien hemm ukoll rappreżentanza tal-Forzi Armati u l-Korp tal-Pulizija.

Ritratti: Photocity, Valletta