Il-klabb ta’ Żebbuġ Rangers iwelli l-bar, il-barman sospiż fuq droga

Il-klabb tal-futbol ta’ Żebbuġ Rangers jgħid li se jerġa’ jwelli l-bar, wara li waqqaf il-kuntratt ta’ Philip Sawyer li tressaq il-Qorti fuq droga.
Ma’ Newsbook.com.mt, Mark Tanti mill-klabb ta’ Żebbuġ Rangers qal li hu sar jaf bil-każ nhar is-Sibt fl-10pm meta ċemplulu l-Pulizija. Spjega li qatt qabel ma kellhom indikazzjoni dwar dak li kien qed jiġri.
Immedjatament il-kumitat tal-klabb waqqaf il-kuntratt ta’ Philip Sawyer, barman tal-bottegin u qal li jiddissassoċja ruħu minn Sawyer.
Il-kumitat spjega li waqqfulu l-kuntratt biex jissalvagwardjaw l-interess tal-klabb u fuq kollox is-sigurtà u s-saħħa tal-mijiet ta’ tfal u żgħażagħ li jiffrekwentaw it-training ground biex jitħarrġu fil-logħba tal-futbol.
Iddikjara wkoll li se jieħu l-passi kollha meħtieġa biex il-faċilitajiet sportivi tiegħu jkunu postijiet ħielsa minn kull vizzju li hu ta’ dannu għat-tfal u ż-żgħażagħ. Il-klabb sostna li se jikkopera wkoll mal-forzi tal-ordni biex dan iseħħ. 
Fil-Qorti Sawyer kien mixli li fl-10 ta' Jannar u fis-sena u nofs ta' qabel, kellu d-droga kokaina u li nstab li ma kinitx għall-użu esklussiv tiegħu. Fil-pussess tiegħu kellu inqas minn ħames grammi li kienu maqsumin f'10 pakketti.  Sawyer wieġeb mhux ħati u ngħata l-ħelsien mill-arrest taħt diversi kundizzjonijiet u b'depożitu ta' €300 u garanzija personali ta' €5,000.