“Il-kiri tal-ġuf għandu jsir għalkemm se jġib problemi legali kbar”

It-tabib u konsulent tal-IVF, Dr Mark Sant sostna li l-kiri tal-ġuf se jġib miegħu problemi kbar leġiżlattivi.
Dan qalu waqt intervista ma’ Fr Joe Borg waqt il-programm Newsline fuq RTK 103FM.
Dr Sant kompla l-argument tiegħu billi qal li minkejja l-uġigħ ta’ ras legali, wieħed m’għandux jarmi l-kunċett tal-kiri tal-ġuf sempliċiment għax legalment se jkun diffiċli, iżda hemm bżonn li wieħed jiffoka li jinstab qafas legali li jaħdem sew fil-pajjiż.
Stqarr li l-kiri tal-ġuf huwa ġest nobbli, u li jagħmluh dawk li jafu x’jiġifieri ma jkunx jista’ jkollok tfal, u jkunu jridu li jgħinu koppji li jixtiequ li jkollhom it-tfal. Għaldaqstant sostna, li l-kunċett huwa wieħed nobbli u mhux ta’ sfruttament.
Waqt li kien qed jitkellem Dr Sant, mitt professur u letturi mill-Universita ħarġu stqarrija fejn iddeskrivew il-kiri tal-ġuf bħala mod ieħor kif il-mara titqies bħala oġġett. Huma iddeskrivew l-użu tal-kliem kiri tal-ġuf altruwistiku bħala qerq peress li, skont il-liġi, l-omm li twelled tarbija ta’ ħaddieħor tirrinunzja kwalunkwe responsabbiltà li trabbi l-wild bħala tagħha, u l-wild ma jingħatax il possibbiltà li jiġi konċeput, jiżviluppa, imwieled u mrobbi mill istess omm.
Dr Sant spjega li qabel ma tidħol fis-seħħ liġi bħal din, wieħed għandu janalizza s-sistemi li jintużaw minn pajjiżi oħra madwar id-dinja u jara liema sistemi jaħdmu l-aħjar. Hawnhekk iddeskriva s-sistema użata fil-Greċja bħala “eċċellenti” peress li id-deċiżjoni tittieħed mill-Qorti.
Flimkien ma’ pajjiż b’sistema effiċjenti, Dr Sant semma wkoll l-Ingilterra li sostna li għandhom sistema li tikkawża problemi kbar. Spjega kif hemmhekk, f’każi ta’ kiri tal-ġuf, it-tarbija legalment hija tal-persuna li qed iġġorra, li wara t-twelid tagħtiha għall-addozzjoni.
“Kontra għax Kattoliċi”
Dr Sant qal li l-embrijum mhux bniedem iżda tmien ċelluli.
Fr Borg ġibet l-attenzjoni ta’ Dr Sant li 23 xjentist Malti bi speċjalita fil-ġenetika kienu ħarġu stqarrija jgħidu bil-maqlub tiegħu għax qed jinsistu li l-ħajja umana tibda mat-tnissil.
Dr Sant insista li min jgħid bil-maqlub tiegħu qed jagħmel hekk għax qed ikun influwenzat mit-twemmin Kattoliku li dak li jkun ikollu.
L-intervistatur staqsa kif Dr Sant jista’ jgħid hekk anke meta l-Assoċjazzjoni Maltija tal-ispeċjalisti tat-tfal kienet ħadet pożizzjoni bħat-23 xjentist li irrefera għalihom.
Dr Sant kien mistoqsi x’jaħseb dwar il-fatt li l-liġi proposta tippermetti raġel mhux miżżewweġ iġib sperma mingħand raġel ieħor, bajda mingħand mara u jikri ġuf biex ikollu tarbija.
Sant tenna li hu jara koppji u mhux irġiel u li l-opinjoni personali ta’ tabib u xjentist m’għandiex tirrifletti fuq is-servizzi u l-pariri li jagħtu lill-pazjenti tagħhom.
Huwa stqarr li personalment ma jaqbilx mal-abort, iżda meta kien jaħdem l-Ingilterra u koppji kienu jmorru għandu jitlobu għall-abort, hu kien itihom il-fatti xjentifiċi u jżomm l-opinjoni tiegħu barra mill-bieb. Madanakollu, dejjem irrifjuta li jabortixxi t-trabi.