Il-kimoterapija f’Għawdex tibda tingħata sal-aħħar tas-sena

Il-pazjenti Għawdxin li qed jingħataw il-kura għall-marda tal-kanċer, għadhom qed jinżlu Malta biex jingħataw il-kimoterapija fl-Isptar Boffa. Bħalissa hemm madwar 10 pazjenti li qed jieħdu dan it-trattament f’Malta.

Kelliem għall-Ministeru tas-Saħħa qal li l-Għawdxin se jkollhom jibqgħu jinżlu Malta sal-aħħar ta’ din is-sena,  sakemm jitlesta l-proġett ta’ ristrutturar ta’ sala fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex minn fejn se jiġi offrut servizz tal-onkoloġija.

Meta ma tkunx qed tintuża mill-pazjenti tal-kanċer, din is-sala se sservi bħala Day Care Unit għal operazzjonijiet li jsiru matul il-jum.

Newsbook.com.mt huwa infurmat li din it-taqsima, se tieħu post is-Sala tal-Pedjatrija fl-istess sptar.

Is-sala identifikata mill-Ministeru tas-Saħħa se tinqasam f’żewġ żoni separati biex b’hekk tkun tista’ takkomoda dan is-servizz. Dan minħabba li nofs is-sodod ma kinux qed jiġu użati.

Il-kelliem għall-Ministeru qal li s-sit li fih se jibda jingħata s-servizz tal-kimoterapija mhuwiex l-istess li kien maħsub mill-Gvern preċedenti. Imma sostna li fejn hu possibbli se jinżammu l-proċessi bħax-xiri ta’ tagħmir, li setgħu jiġu implimentati.

Sa Frar 2013 il-Gvern preċedenti kien diġà laħaq ftehim li kien jinkludi li meta jibda jingħata s-servizz se jkun hemm onkoloġista waqt il-preparazzjoni tal-pazjenti u l-għoti tal-kimoterapija, kif ukoll tabib preżenti l-ħin kollu. 

Barra minn hekk, kienu ġew imħarrġa wkoll erba’ infermiera.