Il-kilba li kellha għall-mewt fetħitilha għajnejha

Ritratt: Facebook/Take2Entertainment

Il-kantanta Fiona Cauchi mil-lum se tkun qed terġa’ tagħmilha ta’ attriċi hekk kif mil-lesja Take 2 Entertainment se jkunu qed jippreżentaw l-ewwel minn tlett puntati tas-sensiela ġdida Merjen fuq l-istazzjon One fil-ħin tad-9pm.

Bertu u Merjen kienu jqattgħu ġranet sħaħ flimkien mindu kienu tfal. Bertu seba’ snin ikbar minn Merjen u mhux l-ewwel darba li daħħalha f’xi basla peress li minn dejjem kien ftit fuq tiegħu mhux ħażin.

Kibru, u Bertu qatagħha li jmur jaħdem barra minn Malta, u meta kien hemm ma bagħat xejn, lanqas messaġġ – sparixxa għal sentejn. Meta ġie lura sab li Merjen kienet iżżewġet u kellha tarbija, Chris, ma’ wieħed Ingliż, li telaqha ftit wara.

Bertu u Merjen jerġgħu jsibu lil xulxin f’realtà differenti. L-istorja timxi spiss ‘il quddiem u lura fil-ħin. Hija storja dwar imħabba marida, hija storja dwar xi tfisser li tkun omm.

Din is-sensiela, li hija bbażata fuq storja vera illi seħħet lejn it-tmiem tas-Seklu 19, issa ġiet addatata għaż-żminijiet tal-lum. Merjen hija storja ta’ Salvu Mallia b’addattament fi tlett episodji minn Carlos DeBattista u direzzjoni ta’ Abigail Mallia.