Il-Kia Sportage u l-Optima l-ġodda jirbħu bid-disinn

Għal darb’oħra l-Kia Motors kompliet issaħħaħ ir-reputazzjoni tagħha għall-ogħla standards ta’ disinn, billi ġabret 2 premjijiet matul il-Premjazzjoni Red Dot 2016 għad-Disinn tal-Prodott, li hija waħda mill-aktar kompetizzjonijiet internazzjonali prestiġġjużi f’dak li hu disinn.
L-SUV kompatta Kia Sportage u l-Optima Sedan il-ġodda – li huma l-aħħar żewġ mudelli tal-kumpanija tal-karozzi – it-tnejn irċevew ir-Red Dots tant mixtieqa. Il-bord ta’ ġurija indipendenti saħansitra onoraw lill-Kia Optima bil-premju ‘Best of the Best’, l-ogħla distinzjoni tal-kompetizzjoni, u li għaliha huma eliġibbli biss l-aktar disinni innovattivi f’kull kategorija.
Il-ġenerazzjonijiet il-ġodda tal-Optima u tal-aktar mudell tal-Kia li jinbiegħ fl-Ewropa, l-iSportage, tnedew fis-swieq dinjin tal-Kia aktar kmieni din is-sena.
Iż-żewġ mudelli rċevew l-ogħla klassifikazzjoni ta’ ħames stilel fit-test tas-sigurtà Ewropew Euro NCAP. Bħall-karozzi kollha tal-Kia, il-Kia Sportage u l-Kia Optima qed jinbigħu bil-garanzija unika tal-Kia ta’ seba’ snin.